Lokali

Għaqdiet tas-soċjetà ċivili jitolbu lill-Pulizija jinterrogaw lil Chris Cardona

Erba’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili għamlu rapport fl-għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta fejn jitolbu li l-Ministru Chris Cardona jiġi nterrogat b’rabta mal-istejjer fil-midja internazzjonali dwar l-involviment tiegħu mal-persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-għaqdiet, Occupy Justice, il-Kenniesa, Awturi u n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, kienu parti minn grupp ta’ persuni li l-Ħamis waranofsinhar inġabru bi protesta quddiem l-għassa tal-Belt Valletta.

Il-protesta saret wara li l-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil issejjaħ għal interrogazzjoni fl-istess għassa fuq akkużi li uża l-karozza tiegħu biex twaħħlu posters madwar pajjiżna.

It-talba biex jidher quddiem il-Pulizija eventwalment ġiet irtirata wara li sar magħruf li ma kienx hu li qed juża din il-vettura, imma s-sieħba tiegħu Kristina Chetcuti. Quddiem l-għassa, membri tas-soċjetà ċivili kkundannaw il-mod kif dawn ir-ritratti spiċċaw għand il-midja tal-Partit Laburista.

F’mument minnhom spikka l-aġir tal-eks ġurnalista tas-Super One, Paula Cauchi, li llum taħdem mal-Ministru Helena Dalli. Dalli, flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal-Gvern, kienet ħierġa minn ristorant maġenb l-għassa meta l-ġurnalisti avviċinawha għal kumment.

Għal din il-protesta saħansitra kien hemm preżenti ġurnalisti tal-BBC mill-Ġappun.