Lokali

Id-Deputati Laburisti għandhom obbligu biex jaġixxu – Roberta Metsola

Id-Deputati Laburisti li daħlu fil-politika b’mod ġenwin, issa, aktar minn qatt qabel, għandhom l-obbligu li jaġixxu u ma jħallux lil persuni korrotti u kriminali jibqgħu jmexxu kemm il-Partit Laburista, peró wisq aktar importanti, lill-pajjż.

Dan qalitu l-MEP Roberta Metsola f’messaġġ fuq Facebook wara l-aħħar aħbarijiet żvelati minn Daphne Project. Roberta Metsola rreferiet għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ fil-Parlament Malti, fejn insista li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika. “Jien dħalt fil-politika biex inwettaq il-ġid, u hekk beħsiebni nkompli nagħmel,” sostniet Roberta Metsola.

Hi spjegat kif matul din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Stasburgu, kemm hi, kif ukoll il-kollegi David Casa u Francis Zammit Dimech ġew iffaċjati b’sensiela ta’ mistoqsijiet minn Membri tal-Parlament Ewropew oħrajn dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta, fejn issa, ġie ppruvat li pajjiżna qed jitmexxa mill-kriminali. Roberta Metsola esprimiet ir-rabja tagħha għall-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija qed jinvestiga lil dawk li jridu l-ġustizzja minflok il-kriminali. “Minflok il-Pulizija qed tinvestiga lill-kriminali u lil min qed iżeblah lil pajjiżna, qed tmur wara dawk li qed jiġġieldu għat-trasparenza u l-indafa fil-politika.”

Roberta Metsola spjegat kif il-Parlament Ewropew għadu kif ivvota b’maġġoranza kbira fuq riżoluzzjoni li tikkundanna l-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak fis-Slovakkja, iżda, aktar importanti, qalet Metsola, fejn il-Parlament Ewropew qed juri li qed ikun it-tarka taċ-ċittadini Ewropej fil-ġlieda favur is-sewwa. Hi sellmet lill-ġurnalisti internazzjonali li qed jaħdmu fuq id-Daphne Project, u li qed jippubblikaw provi ċari ta’ korruzzjoni mill-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti.