Din li qed taraw hawn fuq hi l-prova tat-tranżazzjoni bankarja li turi kif mingħand Orion Engineering, l-aġenti tat-tanker tal-LNG, għaddew $200,000 lejn il-kumpanija sigrieta 17Black.
Wara li ħarġu dawn il-provi ġodda lbieraħ, diversi ġurnalisti qed jgħidu li dan kollu juri biċ-ċar r-rabta li għandhom Konrad Mizzi u Keith Schembri ma’ 17Black u l-proġett tat-tanker tal-gass.
“Il-flus daħlu f’17Black kif turi din it-tranżazzjoni. U nafu li 17Black kellha titfa’ €150,000 fix-xahar fil-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri”, qalulna l-analisti politiċi li tkellmu ma’ Net News.
Dan kollu hu konfermat mill-email mibgħuta minn Nexia BT.
Total ta’ €1.3 miljun kienu ġew trasferiti fil-kumpanija ’17 Black’, skont storja ġdida żvelata minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali bħala parti mill-proġett ‘Forbidden Stories’.
Il-kumpanija 17 Black, imwaqqfa f’Dubaj, kienet oriġinarjament ġiet żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Skont id-dokumenti dokumenti ġodda żvelati, il-kumpanija ’17 Black’ kellha l-irwol li l-flus ta’ ġo fiha jgħaddu fil-kumpaniji sigrieti li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu bil-moħbi fil-Panama, jiġifieri l-kumpaniji ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’.
Jirriżulta li dawn il-wieħed punt tliet miljun ewro fil-kumpanija ’17 Black’ ta’ Dubaj waslu permezz ta’ żewġ pagamenti separati.
Pagament minnhom, kważi t-total kollu, wasal mingħand kumpanija mwaqqfa fis-Seychelles bl-isem ta’ ‘Mayor Trans’ – propjetà ta’ persuna mill-Ażerbajġan.
Pagament iżgħar, ta’ €160,000, wasal għand 17 Black mingħand kumpanija bl-isem ‘Orion Engineering’, kumpanija li s-sid tagħha huwa aġent lokali nvolut fil-proġett tat-tanker tal-gass.
Meta dawn il-flus għaddew għand 17 Black, bl-intenzjoni li jmorru fil-kumpaniji sigrieti tal-Panama, Konrad Mizzi kien Ministru tal-Enerġija responsabbli mill-proġett tal-powerstation tal-gass u t-tanker tal-gass f’Marsaxlokk.
Din hija t-tieni storja żvelata mill-grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali, wara l-istorja li l-Ministru Chris Cardona intlemaħ jitkellem f’bar ma’ wieħed mit-tliet qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – ftit ġimgħat wara l-karozza-bomba.
//= $special ?>