Knisja Lokali

“Ma nilagħbux mal-ħajja” – l-Isqof t’Għawdex

Nagħmel stedina lill-politiċi u t-tobba tagħna biex jiskopru ftit min hu Jerome Lejeune

Stramba imma vera: it-tarbija twieldet ixjeħ minn ommha!

Dan hu l-każ li ġara f’Novembru li għadda f’Knoxville, Tennessee, fl-Amerika. Emma tnisslet madwar ħamsa u għoxrin sena ilu u bħala embrijun tqiegħdet fil-friża fejn baqgħet tistenna sakemm is-sena l-oħra kien hemm koppja żagħżugħa li aċċettaw li ‘jadottaw’ lil din il-persuna. Din il-mara kellha erbgħa u għoxrin sena meta laqgħet f’ġufha lil dan l-embrijun. Hi welldet tarbija li bdiet tgħix qabilha!

Hemm min jgħid li dan hu “miraklu” tax-xjenza, imma hemm min isostni li din hi manipulazzjoni tal-bniedem! Hu l-każ fejn ix-xjenza qed tħawwad il-proċess tan-natura umana! Fil-fatt, min ta d-dritt lit-tobba biex lil Emma ‘jarrestawha’ fil-friġġ għal ħamsa u għoxrin sena? Għaliex dakinhar li sar it-tnissil fil-laboratorju, sħabha l-embrijun/i l-oħra tqiegħdu fil-ġuf ta’ ommha u mess lilha li tibqa’ tistenna barra?

B’liema dritt?
B’liema dritt Emma ġiet imċaħħda li tkun taf u tibni relazzjoni mal-ġenituri naturali tagħha? Min ta s-setgħa lis-soċjetà li toftom lil Emma mill-aħwa naturali tagħha? Għaliex is-soċjetà għażlet li tissodisfa l-hekk imsejħa drittijiet tal-ġenituri naturali u tal-koppja adottiva u mhux id-drittijiet ta’Emma minkejja li għadha fi stat ta’ embrijun?
X’garanzija tagħti x-xjenza li ż-żmien li Emma għamlet iffriżata, u għalhekk miżmuma milli tikber, mhuwiex se jkun ta’ detriment għall-iżvilupp fiżiku, emozzjonali u psikiku ta’ Emma? Kieku ma sabitx lil din il-koppja li ‘adottatha’, kienet tintrema? Hu tassew rispett lejn id-dinjità umana meta xi ħadd jiddeċiedi li jaqflek fi flixkun żgħir u jissospendi l-proċess li tiżviluppa?
Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li jiġuk f’moħħok meta tiżen ftit it-tibdil li qed jiġi propost dwar l-Att li jemenda l-protezzjoni tal-embrijuni.

L-emendi joħolqu diżugwaljanza
Ma naħsibx li hu korrett meta jingħad li dawn l-emendi qed isiru biex jiġi mħares il-valur assolut tal-ugwaljanza. Għaliex jekk l-emendi qegħdin iqiegħdu fuq l-istess livell dawk kollha li jixtiequ jaqtgħu x-xewqa tagħhom biex jakkwistaw it-tfal, uħud b’metodi fejn assolutament ma jkollhom ebda għamla ta’ rabta naturali (bħal fil-każ ta’ persuna li ‘tadotta’ embrijun li mbagħad jikber f’ġuf mikri), l-emendi qegħdin joħolqu diżugwaljanza bejn l-adulti u ċ-ċkejknin (embrijuni), bejn min jiflaħ u min hu dgħajjef, bejn min jiddeċiedi għal ħaddieħor u min ma jistax jiddeċiedi għalih innifsu, bejn min għandu l-mezzi u min ma għandux.
Filwaqt li l-emendi jirrikonoxxu l-jeddijiet tal-adult, fl-istess nifs qed jirfsu d-drittijiet tal-embrijun.
Meta llum is-soċjetà saret tant konxja mill-kruha tad-diskriminazzjoni, dawn l-emendi qed joħolqu diskriminazzjoni istituzzjonalizzata. Nistaqsi: min se jadotta embrijun li dwaru jkun hemm suspett, jew aktar minn suspett, li mhux b’saħħtu? Il-ġenetista Franċiż Jerome Lejeune (1926-1994) isejjaħ din il-prattika razziżmu kromożomiku.
Lejeune, tabib u pedjatra, kien l-ewwel professur tal-Ġenetika fil-Fakultà tal-Mediċina f’Pariġi. Fl-1962, il-President Kennedy tal-Amerika tah il-Premju Kennedy. Fl-1969 irċieva l-Premju prestiġjuż William Allen u kien kandidat tal-Premju Nobel. Irrid ngħid li ma kienx ta’ sebgħu f’ħalqu. Fil-fatt, kien hu li rnexxielu jiskopri l-anomalija ġenetika li tikkawża d-down syndrome.
Huwa feraħ meta għamel din il-kisba, għax hekk seta’ verament jgħin lill-koppji biex l-ulied ma jitwildux b’dan is-sindromu. Imma l-ikbar qatgħa ta’ ħajtu ħadha meta sar jaf li s-sejba tiegħu bdew jużawha biex jagħmlu testijiet waqt it-tqala u biex jekk isibu embrijun għandu din is-sindromu, jagħmlu abort.

Eliminati waqt it-tqala
Huwa fatt li llum fi Franza ma jitwildux trabi Down. 96% ta’ dawn il-każi jiġu ‘mnaddfa’ jew eliminati waqt it-tqala. Għal ħafna politiċi u bioetiċisti fi Franza dan hu progress soċjali, imma ma jammettux li qed joqtlu lid-dgħajjef u ż-żgħir. Quddiem din l-istraġi, Lejeune għamel kampanja kontra dawk li bi kliem sabiħ jissejħu miżuri ta’ saħħa riproduttiva.

Quddiem in-Nazzjonijiet Uniti, Lejeune saħaq li dawn il-miżuri kienu qed jibdlu l-istituzzjoni minn waħda favur is-saħħa għal waħda favur il-mewt. Dik il-lejla stess li għamel din l-istqarrija, Lejeune kiteb lil martu fejn qalilha: “Illejla tlift il-Premju Nobel” – proprju għaliex meta ddefenda l-ħajja fil-ġuf, l-abortisti kixfu wiċċhom, ħarġu għalih u eskludewh milli jirċievi l-Premju Nobel. Ħallas prezz għoli favur il-ħajja umana!

Il-messaġġ ta’ Jerome kien ċar: “Il-ħajja umana tibda mill-mument preċiż tal-fekondazzjoni. Din mhix ipotesi teorika jew xi opinjoni teoloġika, imma kostatazzjoni sperimentali. Mat-tnissil ikun hemm bniedem uniku u perfettament distint. L-ewwel ċellula b’sitta u erbgħin kromosoma jkun fiha t-tagħrif kollu meħtieġ u suffiċjenti li jsawwar it-tarbija li jkollha l-isem u l-karatteristiċi tagħha.

M’hemmx differenza bejn in-natura ta’ embrijun, fetu u tarbija wara li titwieled. Mingħajr dan il-prinċipju, kull leġiżlazzjoni dwar il-ħajja umana tkun perikoluża. Jerome kien isejjaħ il-friża tal-embrijuni “frozen concentration camp”. Hu kien konvint li l-bniedem hu fid-dmir li jiddefendi l-ħajja umana mhux minħabba xi liġi tal-etika, imma hi l-istess xjenza li tiddetta dan. Għalhekk, xjenzat li jilgħab mal-ħajja hu xjenzat tal-ħabba gozz!

Illum għażilt li ma niktibx dwar l-aspett etiku u morali tal-IVF: temi serji li ma nistgħux nittraskuraw; imma qsamt ftit ħsibijiet li għandhom iniggżu l-qlub. Pajjiżna għandu bżonn ta’ Lejeune! Nagħmel stedina lill-politiċi u t-tobba tagħna biex jiskopru ftit min hu Jerome Lejeune, għax ta’ xjenzat serju u veritier, jaf jagħtina dawl fid-dibattitu.