Ewropa Kultura Lokali Unjoni Ewropea

MEPs iċanfru ċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef u jsejħu għar-riżenja immedjata tiegħu

"Aħna nikkundannaw dawn l-azzjonijiet inaċċettabbli"

Numru kbir ta’ MEPs minn diversi gruppi politiċi ddeskrivew l-aġir ta’ Jason Micallef bħala bla dinjità u inaċċettabbli, u sejħu għar-riżenja immedjata tiegħu minn Chairman ta’ Valletta 2018.

L-MEPs irreferew għal ittra ppubblikata minn PEN International u appoġġjata minn 250 awtur internazzjonali li esprimew rabja għall-aġir ta’ Micallef.

Is-72 MEP qalu: “Nesprimu l-istess rabja li hemm fl-ittra. Il-vilifikazzjoni tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, anke wara l-qtil tagħha, kif ukoll is-sejħiet biex jitneħħa l-monument għaliha fil-Belt Valletta kif ukoll biex jitneħħew il-banners isejħu għall-ġustizzja, huma azzjonijiet li aħna nikkunsidraw li m’humiex kompatibbli ma’ uffiċjal li jirrapreżenta l-Kapitali Ewropew tal-Kultura.

Ġie nnutat li ftit siegħat biss wara li ġiet ippubblikata l-ittra tal-PEN, Jason Micallef kompla għaddej bil-kitba tiegħu fuq is-social media u ordna li jitneħħew il-banners organizzat mis-soċjetà ċivili Maltija jsejħu għal ġustizzja. Aħna nikkundannaw dawn l-azzjonijiet inaċċettabbli u nsejħu lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob li Jason Micallef jitneħħa b’mod immedjat mill-kariga ta’ Chairman ta’ Valletta 2018 l-Kapitali tal-Kultura.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, li mexxa l-inizjattiva flimkien ma’ 5 MEPs oħra, qal: “Hu inaċċettabbli li ċ-Chairman tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jaġixxi b’dan il-mod. Jason Micallef umilja lilu nnifsu u tappan Valletta 2018 bl-aġir tiegħu. Għandu jirriżenja immedjatament.”

L-ittra kienet iffirmata wkoll mill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.