Waħda mis-sidien tal-vetturi mirduma mill-ġebel fi Triq Karmen Mikallef Buhagar, f’Ħaż-Żebbuġ, hi omm ta’ żewġt itfal li ma’ Net News tiddeskrivi x-xokk tagħha hekk kif ftit minuti biss qabel kellha lil binha ta’ sentejn fil-vettura.
“Ftit minuti biss qabel kont għadni kemm inwassal lit-tifel tiegħi ta’ sentejn l-iskola. Il-ġebel sa fuq il-car seat (il-parti fejn immarkat bl-aħmar) fejn kien hu wasal,” stqarret l-omm ma’ Net News.
Il-każ seħħ it-Tlieta li għadda, meta żewġ karozzi spiċċaw ġarrbu ħsarat konsiderevoli wara li waqa’ ċint għal fuqhom. Il-karozzi kienu pparkjati mal-ġenb ta’ ċint li fuq in-naħa ta’ ġewwa tiegħu hemm sit ta’ kostruzzjoni. Għal xi raġuni jidher li gaffa laqtet dan iċ-ċint bil-konsegwenza li parti mill-ħajt ġiet imbuttata għal barra, fit-triq.
L-omm li tkellmet magħna spjegat li l-vettura ma tistax tintuża iżjed u s’issa l-kuntrattur m’offriex li jirrimedja s-sitwazzjoni u ġiet offruta somma żgħira daqs il-valur attwali tal-karozza, li mhux biżżejjed biex tixtri vettura oħra. Dan, apparti li m’għandiex il-mezzi biex tixtri vettura oħra, ifisser li hi sfurzata tara kif se tgħaddi mingħajrha, inkluż biex tieħu lil uliedha l-iskola.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-inċident u saħansitra nfetħet inkjesta maġisterjali. Dan ifisser li s-sidien tal-vetturi affettwati ma jistgħux iċaqilquhom jew imissu l-istess vetturi sakemm jingħataw permess biex jagħmlu dan.
Iżda minkejja dan, u bħallikieku ma kinux affettwati biżżejjed mill-ħsara li ġarrbu, l-għaa tal-inċident bdew il-ġurnata b’ċitazzjoni għaliex naqsu milli jżommu l-vettura nadifa u/jew fi stat tajjeb ta’ tiswija.
Il-gwardjan lokali li ħareġ din iċ-ċitazzjoni qed jirreferi għall-fatt li l-vetturi mhux biss huma mkissra imam wkoll mimlija trab u ħamrija konsegwenza taċ-ċint li niżel fuqhom. Fil-verità dan hu kontra l-liġi li wieħed iħalli karozza maħmuġa jew imkissra fit-triq, iżda f’dan il-każ is-sidien ma setgħux imissu l-vetturi tagħhom.
Fuq il-midja soċjali saret ukoll kritika fil-konfront tas-sidien, b’dawk li kkummentaw jinnutaw li maċ-ċint hemm tabelli biex wieħed ma jipparkjax. Madankollu Net News hu nfurmat li t-tabelli twaħħlu wara, kif jixhed ukoll dan ir-ritratt li waslilna.