Futbol Sport

Replay bi programm Speċjali s-Sibt fuq Net Television

Il-programm jibda fil-5.30pm, bi programm ieħor speċjali fl-eventwalità li jintrebaħ il-kampjonat

Is-Sibt li ġej fil-5.30pm se ssir xandira speċjali tal-programm Replay fuq Net Television bi preżentazzjoni ta’ Chris Micallef u Doriana Portelli. Permezz tal-parteċipazzjoni tat-tim ta’ Replay, fl-ewwel minuti tal-programm se jkun hemm l-ewwel kummenti hekk kif jaslu mill-erba’ stadiums li fihom se jintlagħbu l-logħob b’mod simultanju.

Attenzjoni speċjali se tingħata fl-Istadium Nazzjonali f’Tal Qali u l-Hibernians Stadium f’Kordin fejn se jkunu fl-azzjoni ż-żewġ sfidanti Valletta u Balzan rispettivament, fejn possibbilment jista’ jintrebaħ il-kampjonat. It-trażmissjoni tintemm qabel l-aħbarijiet tas-7.30pm.

Fil-programm se jkunu qed jixxandru wkoll is-servizzi tal-ħames partiti mill-aħħar ġurnata tal-kampjonat, bil-gowls kollha li jkunu skorjati.

Fl-eventwalità li jintrebaħ il-kampjonat, Replay se jkun qed ixandar programm speċjali li jibda fit-8.30pm sa tard filgħaxija, b’kollegamenti mal-Belt Valletta jew Ħal Balzan. Għal aktar dettalji żuru l-paġna ta’ Replay fuq facebook https://www.facebook.com/ReplayNetTelevision/