Internazzjonali

Tintemm l-era tal-familja Castro f’Kuba

Miguel Diaz-Canel

F’Kuba intemmet it-tmexxija tal-pajjiż mill-familja Castro. Dan wara li raul Castro warrab minn Presdient tal-pajjiż. Dan ifisser li għall-ewwel darba mill-1959 mhux se jkun hemm membru tal-familja Castro fit-tmun tal-pajjiż.
Fidel Castro kien warrab fl-2006 u imbagħad kien miet fl-2016 u minfloku kien ħa t-tmexxija tal-pajjiż ħuħ Raul, li issa warrab hu wkoll mill-poter.
Ilbieraħ bdiet laqgħa ta’ jumejn tal-Assemblea Nazzjonali kubana u fiha kien msitenni li minflok Raul jiġi elett Miguel Díaz-Canel, li s’issa hu l-Viċi President ta’ Kuba. F’din is-sessjoni se jieħdu wkoll il-ġurament tal-ħatra 605 Membru Parlamentari li kienu eletti x-xahar li għadda.
Teknikament, il-kariga m’hix waħda ta’ President peress li l-kariga kienet xolta fl-1976 u l-kariga hi l-Presdient tal-Kunsill tal-Istat li għandu l-funżjoni ta’ kap tal-Istat u Gvern.
Iżda Raul Castro xorta se jibqa’ influwenti peress li hu se jibqa’ l-Ewwel Segretarju tal-Partit Kommunista sal-2021. Filwaqt li l-Presdient ġdid se jkun qed jieħu ħsieb id-deċiżjonijiet ta’ kull jum, Raul Castro se jibqa’ forza influwenti u aktarx se jkollu l-aħħar kelma fuq ċerti deċiżjonijiet importanti.
Miguel Díaz-Canel, li għandu 57 sena, ilu jaħdem ma’ ġenb Raul Castro għal dawn l-aħħar ħames snin u kien intgħażel personalment minn Raul biex ikun il-Viċi Presdient.
Hemm kandidati oħra bġall-Ministru tal-Affarijiet Barranin Bruno Rodríguez u Mercedes López, l-Ewwel Segretarjut al-Partit Kommunista.