Aġġornata b’filmat u b’aktar dettalji.
Denilson Briffa, żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Gżira, tilef ħajtu traġikament f’inċident b’mutur. L-inċident seħħ fi Triq Birkirkara, bejn San Ġwann u San Ġiljan, għall-ħabta tal-11.30pm.
Tim mediku mar biex jagħti l-ewwel għajnuna, iżda ż-żagħżugħ kien iċċertifikat mejjet fil-post. Għaldaqstant, waslet il-‘hearse’ tal-Pulizija, li ħadet il-katavru tal-vittma.
Mhux eskluż li Denilson kien qed isuq il-mutur bħala parti minn xogħolu, hekk kif il-mutur deher immarkat b’logo ta’ ħanut partikolari tal-ikel.
Xhud li kien fil-post ftit wara li seħħ l-inċident innota ma’ NETnews.com.mt kif jidher li bid-daqqa, iż-żarbun u l-‘crash helmet’ tal-vittma taru, tant li nstabu mal-art numru ta’ metri ‘l bogħod.
Aktar tard, trakk tal-Pulizija mar fil-post biex ineħħi l-mutur, bit-triq kellha tinżamm magħluqa għal xi ħin, bil-Maġistrat tal-għassa Claire Stafrace Zammit fetħet Inkjesta Maġisterjali.
Ritratti: Mikhail Micallef
//= $special ?>