Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa ppreżentaw rikors fil-Qorti u talbu Inkjesta Maġisterjali dwar ir-rivelazzjonijiet xokkanti li saru minn The Daphne Project u r-rapport tal-FIAU li jinsab fil-pussess ta’ David Casa.
Ir-rikors jagħmel referenza għall-ammonti trasferiti lil 17 Black, li jammontaw għal €1.3 miljun. Il-fondi oriġinaw mill-Ażerbajġan u minn kumpanija assoċjata mat-tanker tal-LNG. Il-fondi minn 17 Black kellhom jgħaddu għand Konrad Mizzi u Keith Schembri, bis-somma ta’ €150,000 kull xahar, kif hemm dokumentat fl-emails mibgħuta minn Nexia BT u ppubblikati mill-media internazzjonali.
Simon Busuttil qal: “Ir-rivelazzjonijiet ta’ din il-ġimgħa huma gravi. Konrad Mizzi u Keith Schembri ilhom jgħaddu n-nies biż-żmien, u fl-istess ħin ingħataw il-protezzjoni ta’ Joseph Muscat. Aktar ma jdumu fit-tmexxija tal-pajjiż aktar se tkompli tittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”
David Casa qal: “Daphne Caruana Galizia kellha raġun. Ir-riżenji mhumiex biżżejjed. Il-provi kontra Mizzi u Schembri huma gravi. Għandha ssir ġustizzja kemm jista’ jkun malajr u Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà.”
Simon Busuttil u David Casa kienu rrapreżentati mill-avukat Jason Azzopardi. “Ressaqna dan ir-rikors quddiem il-Maġistrat tal-Għassa. Simon Busuttil u David Casa għandhom jissejħu biex jixhdu fil-ġranet li ġejjin,” temm jgħid.
//= $special ?>