Lokali

Denilson kien xogħol meta miet… kien l-aħħar vjaġġ tal-lejl

"Bqajt nistennik tgħajjatli... imma ma ġejtx" - Omm iż-żagħżugħ

Għexieren ta’ persuni qamu maħsuda għall-aħbar tal-mewt ta’ Denilson Briffa, iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li matul il-lejl li għadda tilef ħajtu traġikament f’inċident b’mutur.

Għalkemm il-Pulizija kif ukoll il-Maġistrat inkwirenti għadhom qed jipprovaw jistabilixxu x’ġara, kollox jindika li Denilson kien qed jagħmel l-aħħar vjaġġ tal-lejl bħala delivery person ta’ ħanut tal-ikel li hemm ftit bogħod minn fejn seħħ l-inċident.

“M’għandix kliem”, kitbet omm iż-żagħżugħ f’post fuq Facebook. “Nistennik tiġi d-dar, imma ma ġejtx. Nistennik tgħajjatli. Ma nkunx dħalt fis-sodda u qabel ma nisimgħak li ġejt, ma norqodx. Imma llum, ma ġejtx”, kitbet l-omm.

Fl-istess post l-omm innutat kif dan kollu seħħ “għax ħareġ ilma minn katusa ġot-triq” bil-konsegwenza li ż-żagħżugħ skidja wara li tilef il-kontroll tal-mutur.

Sadanittant, fuq il-profile ta’ Denilson ma naqsitx xita ta’ kummenti mingħand sħabu, li nħasdu bl-aħbar tal-mewt ta’ seħibhom u li esprimew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Denilson.

AĠĠORNATA: Żagħżugħ ta’ 19-il sena jitlef ħajtu f’inċident b’mutur