Lokali

FILMAT: Ġurnalisti barra l-uffiċini tal-FIAU wara rapporti ta’ xogħlijiet fuq is-servers

Rapporti ta’ xogħlijiet fuq is-servers tal-FIAU qanqal l-interess ta’ numru kbir ta’ ġurnalisti li l-Ġimgħa filgħaxija marru barra l-uffiċini tal-FIAU biex isegwu l-iżviluppi.

Dann anke fid-dawl tal-mod kif għajnejn id-dinja jinsabu fuq pajjiżna minħabba l-aktar stejjer riċenti marbuta mal-proġett Forbidden Stories.

Minn informazzjoni li kellu NET News jirriżulta li x’aktarx kienu qed isiru xogħolijiet fuq is-servers tal-FIAU, jiġifieri il-kompjuters li fuqhom tinżamm l-aktar informazzjoni sensittiva dwar kazijiet ta’ ħasil ta flus.

Sakemm il-ġurnalisti kienu barra l-uffiċini tal-FIAU, l-ebda persuna ma ħarġet biex tagħti reazzjoni – anke jekk kien evidenti li fl-uffiċini tal-FIAU kien hemm in-nies – fosthom persuni tekniċi marbuta max-xogħol li allegatament kien qed isir.

Tentattivi min-naħa ta’ NET News biex jinkiseb kumment uffiċjali minn fuq il-post falla.

Wara li ra l-filmati live: Jasal Jonathan Ferris fuq il-post

L-eks Pulizija u eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris ġie fuq il-post malli ra il-filmati li kienu qed ixandru l-media ġie fuq il-post sabiex jara b’għajnejh jekk hux qed jiġru “affarijiet suspettużi”. F’kummenti lill-ġurnalisti Ferris qal li ma jafda lil ħadd, speċjalment dwar dak li ġara lilu. Mistoqsi x’kien jagħmel kieku kien il-Kummissarju tal-Pulizija, Ferris wieġeb li kieku kien għadu pulizija, kien jibda jinvestiga waħda mingħajr bżonn li jmur għand il-Kummissarju. Mistoqsi dwar jekk l-aħħar żviluppi marbuta ma’ The Daphne Project qed iqarrbu lejn il-verita’, Jonathan Ferris wieġeb li ma jistax jagħti informazzjoni, iżda qal biss li “qed ningħataw raġun”.

Stqarrija tal-FIAU

Wara li għaddew iktar minn sagħtejn minn meta l-ġurnalisti inġabru quddiem il-kwartieri tal-aġenzija, l-FIAU ħarġet stqarrija li tikkonferma li qed ikun hemm tibdil tas-servers u li dan kien ilu ippjanat ix-xhur.