Mhix xi ħaġa ta’ kuljum li t-Teatru Manoel jospita rappreżentazzjonijiet bl-ilsien Malti.
Dan se jseħħ tul din it-tmiem il-ġimgħa u ta’ wara, hekk kif Staġun Teatru Malti qed itella’ “L-Għerf u l-Glorja tal-Ispettur Bonnici”, it-2 parti minn triloġija tad-drammaturgu Mario Philip Azzopardi li tkellem magħna dwar x’tittrata l-istorja: “Id-dramm jitratta l-ħajja tal-Ispettur Bonnici iżda l-karattri jintużaw biex niskopru iktar ir-ruħ tal-Pulizija, x’iġifieri tkun Pulizija u d-differenzi li hemm bejn dak li huwa dmir u dik li hija liġi.”
Mario Micallef, l-attur li se jintepreta l-karattru prinċipali, elabora dwar ir-rettezza tal-Ispettur Bonnici: “Il-karattru tal-Ispettur Bonnici huwa rett ħafna, bla kantunieri u xogħlu li jżomm mal-liġi. Jekk il-liġi titolbu li jressaq lil neputih għaliex kiser il-liġi, mhuwiex se jittituba u minnufih jarrestah biex iresqu l-Qorti. Biex tara r-rettezza tar-raġel minkejja li ż-żagħżugħ huwa neputih.” Dan minkejja d-dilemmi li kellu bejn il-problemi tax-xogħol u tad-dar, u jekk għandux jieħu dawn il-problemi miegħu fuq il-post tax-xogħol jew id-dar.
Mistoqsi dwar it-temi soċjali fid-dramm, id-drammaturgu jelenka l-ġustizzja u l-verità bħala t-temi pertinenti: “Pruvajt nelenka t-tfittxija tal-ġustizzja, ta’ dak li huwa sewwa u l-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom fit-tfittxija tiegħu tal-verità. Din hija tema universali u li ħa tibqa’ magħna għal dejjem: x’inhi l-verità?”
Bi kliem li wieħed juża fil-ħajja li jagħmel dan l-iskript mexxej aktar reali, Mario Micallef rrelata iktar mal-karattru assenjat: “Meta Mario għoġbu jiżvela l-iskript miegħi bit-tir li nagħmel il-parti tal-Ispettur Bonnici, mal-ewwel sinċerament innamrajt mal-karattru u ridt nagħmel xi ħaġa ġdida mhux solita għall-esperjenza kollha teatrali tiegħi. Dan għaliex dan il-karattru joffri sfidi kbar lill-attur.”
L-udjenza se tirrelata kemm ma’ xi karattru jew xena li xi darba jew oħra għaddew minnha fil-ħajja. Il-kast f’dan id-dramm huwa kompost minn bosta atturi ta’ stoffa u livell li jkomplu jżewwqu din il-produzzjoni.
Wieħed jista’ jirriżerva post fuq is-sit elettroniku jew l-uffiċċju tat-Teatru Manoel fil-Belt Valletta.
//= $special ?>