Futbol Sport

FILMAT: Naxxar jirbħu iżda xorta relegati

Daniel Bustos jipprova jżomm il-ballun minkejja li ssikkat (Ritratt: Domenic Aquilina)
Naxxar relegati għall-Ewwel Diviżjoni wara staġun

Rapport: Keane Cutajar

NAXXAR L………………..3

SENGLEA A………………0

Naxxar: C. Nicht, R. Santos, M. Souza, R. Grech (R. Cassar 71’), M. Micallef, D. Bonnici (P. Ellul 89’), J. Debono (M. Fenech 79’), D. Bustos, M. Verissimo, D. Belhadj, Y. Messias

Senglea: J. Borg (M. Farrugia 83’), J. Bondin, S. Bonnici, S. Uyi, J. Leyton, H. Vella, G. Virano (B. Volpini 46’), I. Paz, A. Caseres, B. Gregori, P. Sammut (J. Spiteri 70’)

Imwissija: G. Virano 15’, J. Leyton 18’, B. Volpini 90’ (S) D. Belhadj 72’, M. Souza 74’ (N)

Skorjaw: Y. Messias 7’, 12’, M. Micallef 33’ (N)

Referee: Kreshnik Cyapi (Albanija)

Assistenti Referees: Melis Dervishi, Deyis Iconreshi (Albanija)

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Naxxar Lions)

Attendenza: 307

Naxxar iddominaw u meritatament għelbu lit-tim ta’ Senglea li ma tantx dehru fil-partita iżda ma kienx biżżejjed għalihom biex isalvaw għaliex ir-riżultat ta’ bejn Tarxien Rainbows u St. Andrews fisser li t-tim Naxxari l-istaġun li ġej se jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni.

Il-partitarji tal-Isla telgħu bi ħġarhom jiċċelebraw il-fatt li staġun ieħor ser jerġgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier u ftit li xejn inkwetahom ir-riżultat u l-prestazzjoni tal-plejers tagħhom. It-tim ta’ Oliver Spiteri prattikament għalaq il-partita fl-ewwel taqsima u dan sarraf f’tieni taqsima li ftit li xejn offriet spettaklu.

Żewġ minuti logħob u Naxxar għal ftit ma kellhomx l-agħar bidu possibbli. Free-kick minn barra l-kaxxa ta’ Senglea deher faċli għal Christoph Nicht iżda għal xi raġuni ma żammx il-ballun. Fortunatament għalih il-ballun spiċċa f’korner.

Ħames minuti wara, Naxxar marru minn fuq. Kien Yuri MESSIAS li għamel spazju għalih innifsu qabel ittanta xortih u sab lil Jurgen Borg isalva tajjeb iżda ma żammx, biex mir-rebound l-istess Messias bi ġmiel ta’ xutt tefa’ fix-xibka. Għaddew ħames minuti oħra, u t-tim ta’ Oliver Spiteri rdoppja din id-darba permezz ta’ free-kick li kien inkarigat mill-istess MESSIAS li għadda minn ġol-ħajt tal-Isla u qarraq b’Borg qabel spiċċa ġewwa.

Ir-risposta ta’ Senglea waslet ftit wara meta Gonzalo Virano għeleb in-nasba tal-offside fit-13-il minuta iżda waħdu quddiem Nicht ixxutja ċentrali wisq u l-gowlkiper ta’ Naxxar imblokka tajjeb. Fit-33 minuta, in-Naxxarin għamluhom tlieta wara li korner tas-solitu Daniel Bustos spiċċa għand Manolito MICALLEF li bir-ras approfitta mill-ħarġa ħażina ta’ Borg biex tefa’ ġewwa.

Fit-52 minuta kross mix-xellug wasal għand Augusto Caseres li minn qagħda tajba bir-ras tefa’ barra. Senglea resqu viċin minn korner fil-71 minuta meta kien Sergio Uyi li għola tajjeb fuq kulħadd iżda kellu t-tentattiv bir-ras tiegħu salvat tajjeb minn Nicht.