Lokali

Il-Professur Kenneth Wain jirriżenja minn Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji

Il-Professur Kenneth Wain irriżenja minn Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi tard filgħaxija. L-istqarrija tgħid li fl-ittra ta’ riżenja, li ma kienitx ippubblikata, il-Professur Wain qal li l-liġi dwar l-Għaqdiet Volontarji tal-2007 kellha bżonn tibdil urġenti u ppropona li jintroduċi diversi emendi.

L-istqarrija tkompli li l-Ministeru hu tal-istess fehma u li kien hemm bżonn emendi sabiex ikun salvagwardjat l-interess pubbliku, fosthom il-protezzjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, l-użu xieraq ta’ fondi u reġistrazzjoni mandatorja tal-għaqdiet mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

Il-Ministeru elenka l-proċess li kien għaddej biex ikunu mfassla l-emendi fosthom mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-FIAU u d-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni approva l-emendi fil-25 ta’ Jannar u l-emendi kienu finalizzati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-16 ta’ April li għadda.

Il-Ministeru qal li hu fiduċjuż li l-Abbozz ta’ liġi tgħaddi mill-proċess parlamentari fil-ġimgħat li ġejjin.