Il-Korea ta’ Fuq komunista esprimiet impenn għad-‘denuklearizzazzjoni totali’ tal-peniżola Koreana waqt li mhix qed tistenna l-kundizzjonijiet. Dam qalu lbieraħ, il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, waqt li l-Istati Uniti għamlitha ċara li se tkompli ‘bil-massimu tal-pressjoni’ fuq ir-reġim komunista fi Pyongyang.
Moon Jae-in saħaq li l-ftehim dwar id-denuklearizzazzjoni, flimkien mat-twaqqif ta’ programmi għall-paċi u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Korej u l-Istati Uniti mgħandhomx ikunu tragwardi diffiċli, permezz ta’ summits li jinvolvu lir-rappreżentanti ta’ Pyongyang, Seoul u Washington.
‘Ma naħsibx li d-denuklearizzazzjoni għandha tifsira differenti għall-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel’, qal Moon waqt laqgħa mal-eżekuttivi ewlenin tal-kumpanniji tal-istampa Koreani. Dan meta skont hu, il-Korea komunista ‘qed tesprimi r-rieda biex twarrab għal kollox għan-nukleari’.
Moon Jae-in kompla li l-Korea ta’ Fuq ma insistietx b’kundizzjonijiet li l-Istati Uniti ma tistax taċċetta — bħall-irtirar potenzjali tat-truppi Amerikani mill-Korea t’Isfel. Skont hu, il-Korea ta’ Fuq qed tindika li trid ‘it-tmiem tal-politika ostili fil-konfront tagħha’ u ‘garanziji tas-sigurtà.
Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar xhur, iddefendiet il-programmi għall-missili u n-nukleari bħala ‘deterrent neċessarju kontra l-ostilità tal-Istati Uniti’. Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ilu jimponi sanzjonijiet fuq il-Korea komunista minħabba dan l-aġir, bl-Istati Uniti qed iżżomm aktar minn 28,000 suldat fil-Korea t’Isfel bħala ‘il-wirt’ tal-Gwerra Koreana tal-1950-53 li intemmet b’armistizju u mhux bi ftehim għall-paċi.
Impenn għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea


