Meta wieħed isemmi lil Charles Miceli, kulħadd jassoċja dan l-isem mal-ħidma fil-qasam soċjali. Huwa l-awgurju tiegħi li l-ispirtu soċjali ġenwin li kien jidher fil-ħidma ta’ Charles Miceli jibqa’ fostna.
Sostna dan l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna meta il-Ġimgħa waranofsinhar kienet inawgurata Dar li ġġib isem Charles Miceli fil-Mosta. Id-Dar, mgħammra bi 12-il sodda se tkun qed toffri servizzi residenzjali fl-aħħar fażi tal-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga immexxi mill-Caritas Malta.
Charles Miceli, li ddedika ħajtu għall-ħidma fil-qasam soċjali b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar, miet għal għarrieda xahar u nofs ilu fl-eta’ ta’ 68 sena.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-armla ta’ Charles Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli u binthom.
L-Arċisqof sellem ukoll lill-Monsinjur Victor Grech li kien il-pijunier f’dan il-qasam. Hu rringrazzja b’mod partikolari lill-komunita’ tal-Mosta, speċjalment il-ġirien, li laqgħu lir-residenti ta’ din id-dar b’idejhom miftuħa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Caritas Malta Leonid McKay qal li l-tranżizzjoni mill-programm ta’ rijabilitazzjoni għall-ħajja lura fil-komunita’. Dan iż-żmien, b’mod partikolari l-ewwel sentejn, hu wieħed kruċjali.
Hu qal li jekk dawn l-ewwel sentejn jgħaddu b’wiċċ il-ġid, iċ-ċans li wieħed jerġa’ jaqa’ fil-vizzju jonqos drastikament.
Leonid McKay irringrazzja b’mod partikolari li s-Sorijiet tal-Karita’ ta’ Sant’Antida li offrew id-Dar fil-Mosta sabiex jingħata dan is-servizz.
Hu rringrazzja wkoll il-Gvern li se jkun qed jgħin finanzjarjament billi jħallas l-ispejjeż tat-tħaddim ta’ din id-dar.
Anki l-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon sellem il-memorja ta’ Charles Miceli. Hu qal li l-Gvern se jkun qed jgħin lid-Dar b’finanzjament ta’ madwar €200,000 fis-sena.
Hu qal li l-Knisja hi sieħeb importanti fil-ħidma soċjali. Michael Falzon qal li l-budget għall-proġetti ta’ Public Social Partnership mal-Knisja hu ta’ madwar €3 miljun fis-sena.