Internazzjonali

L-ETA tagħmel apoloġija lill-vittmi

L-organizzazzjoni armata tal-Baski, ETA, talbet apoloġija lill-vittmi tal-konflitt għall-indipendenza li damet għaddejja għal għexieren ta’ snin. L-apoloġija saret fost l-istennija għall-aħbar fil-jiem li ġejjin li l-ETA, sa fl-aħħar, qed ixolji bħala grupp armat.
L-ETA – li qatel madwar 800 persuna u ħalla eluf ta’ midruba f’40 sena ta’ konflitt – talab l-apoloġija ‘għan-nies li mietu waqt il-konflitt minkejja li ma kellhomx xi sehem dirett fih.’
Il-grupp ETA kien mexxa kampanja mdemmija għall-indipendenza tal-Baski f’seba’ reġjuni fit-Tramuntana ta’ Spanja u l-Lbiċ ta’ Franza. Il-kelliema għall-organizzazzjoni mistennija jħabbru x-xoljiment tal-organizzazzjoni kmieni x-xahar id-dieħel.
Il-Gvern Spanjol qal, sadattant, li l-ETA spiċċa megħlub politikament u ‘matul it-taqbida’, bl-organizzazzjoni tas-separatisti Baski ‘ma laħqux l-għanijiet tagħha’.
Fl-istqarrija li kienet ippubblikata f’żewġ gazzetti tal-Baski, il-grupp ETA qal li ‘il-membri tiegħu huma konxji li, waqt is-snin tal-konflitt, huma weġġgħu ħafna nies u kkaġunaw il-ħsarat li għalihom m’hemm l-ebda soluzzjoni’. Huma, fl-istess ħin, xtaqu juru ‘rispett għall-mejtin u l-midruba u għal vittmi oħrajn li batew mill-azzjonijiet tal-ETA’.