Lokali

L-Eżekuttiv Laburista ma ddiskutiex il-kwistjoni tal-iffriżar tal-embrijuni

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

L-Eżekuttiv tal-Partit Laburista ma ddiskutiex il-kwistjoni tal-iffriżar tal-embrijuni u jidher li kollox kien moħmi f’Kastilja, minn wara dahar il-Partit fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Jirriżulta li dak li l-Gvern qed jipproponi fil-Parlament, dwar l-iffriżar tal-embrijuni u s-‘surrogacy’, qed ikun pilotat direttament f’Kastilja, bit-Tmexxija tal-Partit Laburista ftit li xejn kienet konsultata jew infurmata b’dak li riedet Kastilja.

Hekk irrapporta l-ġurnal In-Nazzjon, li kompla kif min-naħa tagħhom, dawk involuti fit-Tmexxija tal-Partit Laburista jidher li huma urtati għall-mod kif Kastilja saħansitra qed tirrombla fuq il-Partit Laburista nnifsu u ma tismax dak li jkollu xi jgħid il-Partit.

Il-ġurnal qal li t-Tmexxija tal-Partit Laburista kellha reazzjoni qawwija min-nies – Laburisti ferventi u dawk li mhux daqstant – li wasslu messaġġ ċar li dan l-Abbozz ta’ Liġi kien qed ipoġġihom f’pożizzjoni skomda ħafna, anke mill-aspett morali.

Dawk involuti fit-Tmexxija tal-Partit Laburista antiċipaw li din id-diskussjoni u analiżi kienet se ssir b’reqqa fl-Eżekuttiv tal-Partit biex tal-anqas, il-Partit ikun infurmat b’dak li kellha f’moħħha Kastilja.

Iżda minn dan kollu ma ġara xejn, kompla In-Nazzjon, u Kastilja baqgħet għaddejja bil-pjani tagħha: l-ewwel li tħabbar dak li kellha f’moħħha f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Chris Fearne umbagħad iressaq l-emendi fil-Parlament għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Il-ġurnal kompla li anke jekk fil-jiem li għaddew kien Londra, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikollu jiffaċċja vuċi dejjem tissaħħaħ u tikber internament fil-Partit tiegħu stess kontra dak li jrid jagħmel.

Membri mill-Grupp Parlamentari ta’ Muscat huma qatta bla ħabel kontra dan l-impenn u qed jinsistu li l-Prim Ministru m’għandu l-ebda Mandat Elettorali biex idaħħal dawn l-affarijiet fil-pajjiż.

In-Nazzjon jirrapporta li l-qasma interna fil-Partit Laburista qed tkompli tikber, b’Membri Parlamentari Laburisti li qed isostnu li moralment għandhom diffikultà kbira biex jaċċettaw ċerti pożizzjonijiet imposti minn Kastilja.

Dan id-diskors fi ħdan il-Partit Laburista hu mifrux ukoll fost persuni influwenti oħrajn fl-istess Partit, li qed jistqarru li dawn il-mossi tal-Gvern huma mneżża’ minn kull etika u morali, filwaqt li huma insult lejn id-dinjità umana.

Il-ħsibijiet tal-Gvern f’dan ir-rigward kienu ilhom jingħadu, iżda uffiċjalment kien biss fil-jiem li għaddew li l-Gvern ressaq l-Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, billi fost oħrajn idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.

Id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-emendi li bihom il-Gvern irid idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni mistennija tibda fis-seduti li jmiss.