Wieħed mill-isbaħ kapulavuri li għandna ta’ Mattia Preti huwa l-kwadru titulari tal-Martirju ta’ San Lawrenz fil-Kolleġġjata tiegħu fil-Birgu. Fl-1689, Preti nkuruna l-karriera tiegħu b’wieħed mill-ikbar pitturi fuq tila li wieħed isib f’Malta, madwar 4 għal 6 metri, maħdum meta kellu 76 sena.
Id-ditta ReCoop ġiet fdata bir-restawr ta’ dan il-kwadru li bħalissa jinsab fi stadju avvanzat. Ir-restawratur, Roderick Abela, tkellem magħna dwar il-qagħda kif instab dan il-kwadru qabel:
“Kellu bżonn restawr strutturali b’mod partikolari, kawża ta’ tila li twaħħlitlu f’restawr fis-snin 70 li ma kinitx b’saħħitha biżżejjed biex tiflaħ kwadru ta’ dan il-proporzjon. Hawnhekk qed nitkellmu dwar l-ikbar kwadru li nafu li pitter Mattia Preti fuq tila, ikbar mill-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista tal-Caravaggio.”
Ġew innutati xi ħsarat fil-kwadru, kawża tal-ħbit mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija fuq il-koppla kif ukoll ħsarat oħra li ġarrab maż-żmien. Dan filwaqt li ħarġu bosta pentimenti minn idejn il-Preti biex jemenda xi affarijiet. Huma wettqu studju xjentifiku li jservu ta’ gwida biex ir-restawr iwassal kemm jista’ jkun għall-oriġinal, fosthom b’teħid ta’ ritratti infrared li jiżvelaw dettalji li l-għajn tal-bniedem ma taqbadx.
Abela elabora iktar dwar l-isfida prinċipali tar-restawr:
“Anki l-loġistika offriet sfida biex tara fejn taħdem kwadru ta’ dan id-daqs. Iżda l-ikbar sfida kienet ir-rintilar, hekk kif ordnajna tila apposta sħiħa li m’għandhiex ġonot tal-kanvas.”
Saru diversi trattamenti oħra b’materjal riversibbli, fosthom it-tindif fuq it-tila biex ħarrġu figuri mgħottija u t-tneħħija ta’ madwar 20 kilo ta’ collapasta mir-rintilar preċedenti. Bħalissa ir-restawr wasal fl-istadju tal-ġibs biex imbagħad isir l-irtokk u l-verniċ tal-aħħar. Finalment, ir-rintilar se jitwaħħal ma’ tilar ħadid tal-aluminju iżda li jiflaħ ċertu piż fuq sistema ta’ molol mad-dawra.
Il-Kanonku Arċipriet Karm Busuttil tkellem dwar il-kobor tal-kwadru għall-patrimonju Malti:
“Dan huwa pretsiġju ta’ pajjiżna, mhux għan-nies tal-Birgu biss iżda għal Malta. Li kieku ma kienx għall-benefatturi bħall-familja Testaferrata, kieku l-patrimonju ta’ pajjiżna mhux li hu llum. Mattia Preti ma pittirx biss lil San Lawrenz fuq il-gradilja imma hawnhekk qed jippreżenta l-proċess ta’ esekuzzjoni Rumana.” Dan hekk kif San Lawrenz kellu jieħu l-martirju wara li m’obdiex edit ta’ Deoklizzjanu biex iqim lill-Allat Rumani.
Ir-restawr li qed isir fl-Oratorju tal-Kurċifiss, ġie ffinanzjat mill-Bank of Valletta.
//= $special ?>