SLIEMA W……………0
MOSTA…………………1
Sliema: G. Zammit, J. Mintoff, K. Shaw, G. Adamovic, S. Biancardi, F. Qeros, L. Borg (J. Pearson 76’), M. Scerri, K. Ameli, R. Spiteri (O. Elouni 62’), N. Milinceanu
Mosta: A. Vella, Z. Brincat, I. Maric, T. Farrugia, M. Sammartino, D. Xuereb, K. Frendo, D. Nworah (J. Grech 92’), T. Veronese, G. Trovade (J. Tanti 82’), M. Soare (N. Frendo 70’)
Imwissija: Z. Brincat 44’, G. Trovade 53’ (M), F. Qeros 69’, M. Scerri 90’ (S)
Tkeċċa: Z. Brincat 65’ (M)
Skorja: G. Trovade 45’ (S)
Referee: Stefan Pace
Assistenti Referees: Edward Spiteri, Dusan Petrovic
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Frenci Qeros (Sliema Wanderers)
Attendenza: 167
Mosta assiguraw posthom għal staġun ieħor fil-Kampjonat Premier wara li għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 b’gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima. Din ir-rebħa waqqfet serje negattiva ta’ sitt telfiet negattivi u tmien logħbiet bla rebħa.
Għal Sliema, dan ir-riżultat ma kienx se jibdel il-klassifika tagħhom. Huma kellhom aktar inizjattiva tul il-partita, iżda naqsu li jkunu perikolużi għajr żewġ azzjonijiet fit-tieni taqsima.
Il-kowċ Mosti Johann Scicluna bidel ħames plejers mit-telfa kontra Naxxar, b’Kurt Magro u Davide Mansi jkunu sospiżi filwaqt li Leandro Ferreira, Damir Bartulovic u Giovanni Nuti tilfu posthom mal-ewwel ħdax.
Fuq in-naħa l-oħra l-kowċ ta’ Sliema John Buttigieg ħalla biss erba’ plejers mit-telfa kontra Gżira United. John Mintoff, Kurt Shaw u Stefano Biancardi baqgħu fid-difiża filwaqt li Ryan Spiteri żamm postu fil-fażi offensiva.
L-ewwel azzjoni denja tal-logħba waslet fl-24 minuta meta minn korner mix-xellug ta’ Frenci Qeros, Kilan Ameli għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċaw fuq il-lasta. Mosta wieġbu fl-34 minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Moussa Soare li kien imdawwar f’korner minn Glenn Zammit.
Mosta fetħu l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kyle Frendo dawwar il-logħob fuq ix-xellug lejn Thomas Veronese li qata’ għan-nofs u vertikalment qassam tajjeb lejn Giovanni TROVADE li minn qagħda ftit angolata rnexxielu jegħleb lil Glenn Zammit b’xutt fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Sliema fetħu tajjeb it-tieni taqsima u fis-47 minuta għal ftit ma ġabux id-draw, b’Nicolae Milinceanu jolqot il-wieqfa mill-viċin wara free-kick mil-lemin. Il-logħob żvolġa f’nofs sakemm fil-65 minuta Mosta kellhom jilagħbu b’raġel anqas wara li tkeċċa Zachary Brincat għat-tieni karta safra.
Mill-istess free-kick, Goran Adamovic impenja lil Andreas Vella b’daqqa ta’ ras perikoluża, iżda l-gowlkiper Mosti dawwar f’korner. Għal nofs taqsima, Sliema attakkaw fuq in-naħa Mostija iżda ma kinux perikolużi, bl-għaxar plejers ta’ Mosta jiddefendu sat-tmiem.
//= $special ?>