Lokali

Nexia BT taħbi informazzjoni li l-FIAU kellha l-jedd għaliha

Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT

Il-kumpanija Nexia BT ħbiet informazzjoni mill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet fir-rigward tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Dan kien żvelat mill-ġurnal The Times of Malta, li kkwota rapport li ġie ‘leaked’ u li fih ingħad kif it-tmexxija ta’ Nexia BT qalet lill-investigaturi li kwalunkwe ordni u diskussjoni mal-klijenti saru biss b’mod verbali.

L-FIAU għandha l-poteri bil-Liġi li titlob kwalunkwe informazzjoni jkollha bżonn fl-investigazzjonijiet tagħha.

Fir-rigward ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, l-investigazzjonijiet bdew wara li l-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet żvelat il-ħolqien ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama mill-Ministru u ċ-Chief of Staff f’Kastilja.

Iżda minkejja li l-Aġenzija talbet kopji tal-korrispondenzi kollha bejn Nexia BT u Mossack Fonseca, kif ukoll bejn Nexia BT, Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-kumpanija kienet wieġbet li dawn dejjem saru b’mod verbali.

Din it-tweġiba qajmet aktar suspetti, bl-FIAU argumentat li żgur li xi darba jew oħra kien hemm xi forma ta’ korrispondenza miktuba b’email bejniethom. Aktar minhekk, is-sid ta’ Nexia BT Karl Cini kien ħeba email dwar kif Mizzi u Schembri kienu naqsu milli jagħtu informazzjoni immedjata lill-banek lokali dwar il-kumpaniji ‘offshore’.

Mistoqsi direttament dwar dan il-ħabi, is-sieħeb ta’ Karl Cini, Brian Tonna, ma riedx jikkummenta.