Futbol Sport

St. Andrews salvi, Tarxien jibqgħu mdendlin

Martin Davis jipprova jwaqqaf lil Boubacar Traore (Ritratt: Domenic Aquilina)
St. Andrews jeħilsu minn kull periklu ta' relegazzjoni u Tarxien se jkollhom jilagħbu play-off kontra Żejtun Corinthians

Rapport: George Cassar

TARXIEN R………………0

ST. ANDREWS………….0

Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, S. Radovanovic, E. Baker, L. Grech (G. Mckay 86’), E. Calin (Wellington 72’), G. Aquilina, S. Cipriott (A. Agius 55’), B. Traore, S. Tounkara, R. Faria

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Borg, M. Gauci, T. Blagrove, J. Vandelannoite, R. Martin, J. Farrugia (A. Friggieri 84’), M. Miranda Gomez, M. Davis (M. Grima 78’), D. Jackson, K. Atkinson (J. Walker 74’)

Imwissija: S. Radovanovic 46’ (T), R. Martin 56’ (S), M. Gauci 62’ (S), J. Vandelannoite 70’ (S)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Degran Jackson (St. Andrews)

Attendenza: 357

St. Andrews salvaw posthom fil-Kampjonat Premier filwaqt li l-post ta’ Tarxien Rainbows fl-ogħla diviżjoni għadu mhux garantit. Dan wara li l-aħħar partita tal-kampjonat ta’ bejniethom baqgħet mingħajr gowls.

B’hekk il-Luxol żammew lit-Tarxiniżi punt warajhom u mit-tliet timijiet li kienu qed jitqabdu kontra r-relegazzjoni kienu huma li marru l-aħjar hekk kif evitaw kemm li jkunu relegati u kif ukoll il-play-off. Min-naħa l-oħra r-Rainbows iridu jilagħbu l-play-off kontra Żejtun Corinthians.

Din żgur mhux se tkun partita faċli għat-Tarxiniżi hekk kif apparti l-potenzjal ta’ Żejtun, li dan l-istaġun diġà għelbu tim mill-Premier Mosta meta lagħbu kontrih fit-Trophy, għal din il-partita Tarxien jistgħu jilagħbu biss b’erba’ plejers mhux Maltin.

Għall-kowċ Josè Borg din se tkun it-tieni esperjenza ta’ din il-play-off hekk kif żewġ staġuni ilu kellu jilgħab ukoll inċidentalment meta kien qed imexxi lit-tim ta’ St. Andrews.

Il-partita kienet waħda bilanċjata b’azzjonijiet miż-żewġ naħat. Tarxien laqtu l-lasta darbtejn fl-ewwel taqsima. Wara kwarta Eduard Calin laqat il-mimduda minn free-kick, bil-ballun jispiċċa għand Boubacar Traore li iżda tefa’ għoli. Imbagħad ftit wara n-nofs siegħa l-logħob Sean Cipriott laqat il-lasta b’xutt kross minn pożizzjoni angolata.

Fil-bidu tat-tieni taqsima l-gowlkiper ta’ Tarxien Andrea Cassar tar minn tulu biex salva l-free-kick mid-distanza ta’ Kevaughn Atkinson. Kwarta wara l-gowlkiper Tarxiniż kellu jħalli l-lasti biex ħareġ jimblokka l-ħarba perikoluża ta’ Atkinson.

Fl-aħħar għoxrin minuta l-kowċ ta’ Tarxien Josè Borg daħħal attakkant ieħor Wellington Petinha biex iżid id-doża fl-attakk. Madankollu l-iktar li resqu qrib kien biss tmien mit-tmiem meta minn kross ta’ Samba Tounkara, Ricardo Faria rnexxielu jdur iżda mbagħad tefa’ għoli.

Is-suffara finali kienet segwita miċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers ta’ St. Andrews fejn spikkaw it-tfal tan-nursery tal-klabb jiċċelebraw mal-captain idolu tagħhom Joseph Farrugia li żgur li għandu mertu kbir f’dan it-tragward li aċċertalhom ir-raba’ staġun tagħhom fil-Premier is-sena d-dieħla.