Lokali

Stop the Fix, Fix the threat – għal sport nadif

Konferenza nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-isport

Fiż-żmien li fih il-Parlament qed jiddiskuti l-abbozz tal-liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fl-Isport, TimSport PN flimkien mad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus se jorganizzaw konferenza nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-isport, bit-tema ‘Stop the Fix, Fix the threat – għal sport nadif’. L-għan tal-konferenza huwa li toħloq dibattitu dwar proposti li għandhom jiddaħħlu fil-liġi, qabel ma din tidħol fis-seħħ.

Din il-konferenza nazzjonali, hija t-tieni inizjattiva li qed torganizza TimSport PN f’kampanja ta’ djalogu, wara l-esebizzjoni li ġiet inawgurata fil-Parlament, u li se tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa 27 ta’ April, fejn il-fotografi kienu taw il-kunsens tagħhom biex ir-ritratti jinxtraw b’donazzjoni għad-Dar tal-Providenza.

Matul il-konferenza nazzjonali ‘Stop the Fix, Fix the threat – għal sport nadif’ se jiġu diskussi erba’ temi li huma: l-edukazzjoni bħala prevenzjoni għall-korruzzjoni fl-isport, id-dinja tal-betting, id-dixxiplina tal-futbol u l-perspettiva ġurnalistika.

Din id-diskussjoni se ssir bil-parteċipazzjoni ta’ edukaturi, psikologi speċjalizzati fl-isport, rappreżentanti tal-Kumitat Olimpiku Malti, letturi mill-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport tal-Università ta’ Malta, Membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti mill-Malta Gaming Authority flimkien ma’ operaturi fis-settur tal-betting, ġurnalisti, politiċi, kif ukoll uffiċjali tal-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi.

Il-konferenza se tiġi indirizzata wkoll minn esperti barranin, fosthom espert mill-Europol, li se jitkellem dwar l-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport billi tiffaċilità l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi. Kelliema oħra distinti se jkunu d-Direttur tal-Integrità tal-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Futbol La Liga u l-Malti Bjorn Vassallo li huwa d-Direttur tal-Assoċjazzjonijiet tal-Membri Ewropej tal-FIFA.

Kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt l-inawgurazzjoni tal-esebizzjoni tar-ritratti fil-bini tal-Parlament, l-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat sabiex jgħolli l-isport ‘il fuq mill-partiġġjaniżmu politiku. Għalhekk TimSport PN stiednet ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima biex jindirizza l-konferenza flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li se tingħalaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-konferenza nazzjonali ‘Stop the Fix, Fix the threat – għal sport nadif’, se ssir għada s-Sibt 21 ta’ April fil-lukanda Grand Hotel Excelsior fil-Floriana