Il-kap tal-Moviment Cinque Stelle (partit anti-establishment) Luigi Di Maio ippreżenta ultimatum lill-Kap tal-Lega Nord tal-lemin estrem, Matteo Salvini, biex ‘jinqata’ minn ma’ Silvio Berlusconi, l-alleat fil-koalizzjoni tal-lemin, u jidħol fi ftehim miegħu.
Salvini ngħata ‘sal-aħħar tal-ġimgħa’ biex jieħu l-pass waqt l-aħħar taħditiet lejn il-formazzjoni ta’ Gvern fl-Italja, u wara ġimgħat ta’ staġnar politiku li segwew l-elezzjoni ġenerali tal-4 ta’ Marzu.
Aktar qabel, il-President Taljan Sergio Mattarella, kien għadda r-responsabbiltà lill-iSpeaker tas-Senat, Maria Elisabetta Alberti Casellati, biex tisponsorja ftehim bejn Cinque Stelle u l-Lega Nord, li qed imexxi l-koalizzjoni li tinkludi lill-Partit Forza Italia tal-eks-Prim Ministru Berlusconi.
Mattarella qed jistinka biex joħroġ lill-Italja mill-istaġnar attwali u l-aħħar round ta’ konsultazzjonijiet ikkonċentra fuq il-fatt li Di Maio rrifjuta taħditiet ma’ Berlusconi, li l-Moviment Cinque Stelle iqisu bħala ‘simbolu tal-korruzzjoni politika’.
Wara laqgħa li kellu ma’ Alberti Casellati, Luigi Di Maio fisser l-alleanza li qed imexxi Salvini bħala gimmick elettorali waqt li insista li Salvini ‘għandu jersaq waħdu quddiem il-mejda tan-negozjati sal-aħħar tal-ġimgħa’.
Di Maio saħaq li ‘l-Italja ma tistax tistenna aktar’ u qed jaħseb biex iwaqqaf ‘kuntratt għal Gvern fuq l-istil tal-Ġermanja’, mal-Lega Nord. Hu qed jgħid li Cinque Stelle u l-Lega huma ‘l-uniċi forzi politiċi li kapaċi jiffirmaw dan il-kuntratt u jiffurmaw Gvern permezz tal-konsultazzjonijiet’.
Maria Elisabetta Alberti Casellati hi alleata ta’ Silvio Berlusconi. L-elezzjoni tagħha bħala l-ewwel mara li qed tmexxi lis-Senat seħħet bħala parti minn patt intiż biex iwitti t-triq lejn alleanza bejn Cinque Stelle u l-Lega Nord.
L-Italja ilha tistenna tmexxija fissa mindu l-Moviment Cinque Stelle sar l-akbar partit politiku fil-pajjiz b’madwar 33 fil-mija tal-vot. L-alleanza tal-lemin ta’ Salvini u Berlusconi kisbet appoġġ kollettiv ta’ 37 fil-mija.
Ultimatum ta’ Di Maio lil Salvini


