Il-gazzetta awtorevoli Ġermaniża Die Zeit din il-ġimgħa ppubblikat l-sms li wassal għad-detonazzjoni tal-bomba li tpoġġiet mal-karozza tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sitt xhur ilu. L-sms kien jaqra “REL1 = On” u kien dan il-messaġġ li wassal għall-ewwel splużjoni f’dak il-jum brutali tas-16 t’Ottubru 2017.
L-investigazzjoni ta’ Die Zeit hija parti mill-istejjer li qed jippubblikaw il-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali fis-serje ta’ rappurtaġġi imsejjħa ‘Forbidden Stories’.
L-istess gazzetta tagħti ħarsa lejn l-akkużi serji li qed jiffaċja l-Prim Ministru Muscat, ir-rabtiet ma’ Ali Sadr, l-iskema dubjuża tal-bejgħ tal-passaporti, l-iskandlu tal-Panama Papers u l-akkużi ta’ Egrant.
Die Zeit ħabbret li Joseph Muscat irrifjuta intervista mill-ġurnalisti ta’ ‘Forbidden Stories’.
Sar magħruf ukoll li l-awtoritajiet Ġermaniżi dalwaqt jgħaddu informazzjoni siewja immens dwar Egrant u l-Panama papers lill-Qorti Maltija.
Die Zeit jirrapporta ukoll kif f’Ottubru 2013, Joseph Muscat kellu laqgħa bil-moħbi maċ-chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr, meta t-tnejn kienu f’lukanda f’Londra.
//= $special ?>