Koppja kbira fl-età li tikri post mingħand l-Awtorità tad-Djar qed tilmenta dwar problema li ilha għaddejja minnha għal dawn l-aħħar snin.
Il-post fejn tgħix fih din il-koppja f’Ħal Qormi hu mimli moffa: bis-saqaf tal-kuritur, is-saqaf tal-kamra tal-banju u l-kamra tas-sodda, bil-ħitan tal-kmamar kollha: Swidija u moffa kullimkien.
Tkellimna ma’ Catherine Demanuele, li tgħix f’dan il-post u li qed tgħid li din il-moffa kollha qed taffetwalha saħħitha. “Il-moffa toħdilna l-għamara kollha. Jien u r-raġel it-tnejn anzjani u ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Kull sena noqgħodu nimsħu, imma ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk”, qaltilna l-mara.
Il-koppja ilha sitt snin tikri dan il-post mingħand il-Gvern, liema post huwa mikri lill-Gvern mill-privat. Bil-problema ilha għaddejja għal dawn l-aħħar sitt snin, Catherine tilmenta li l-każ qed jaqa’ fuq widnejn torox.
“Jgħidulna li l-problema ġejja peress li ma niftħux. Imma dan mhux minnu. Din il-problema ilha għaddejja, u meta mmorru l-Housing jispiċċaw jgħaddu ż-żmien bina”, żiedet tgħid.
Imma uffiċjal tekniku tal-Awtorità tad-Djar li NET News tkellem miegħu, qalilna li l-każ beda meta kien daħal ammont ta’ ilma minn appoġġ mikxuf. Qal li minkejja li l-post kien tbajjad, l-umdità reġgħet ħarġet.
Temm jgħid li dwar dan il-każ, l-Awtorità tad-Djar bħalissa tinsab fil-proċess li titlob stimi biex isir xogħol sabiex ikun żgurat li l-moffa u l-umdità mhux ġej minn xi dħul ta’ ilma – u biex eventwalment, ikun stabbilit minn fejn ġejja l-problema.
//= $special ?>