Lokali

Francis Zammit Dimech jinħatar Rappoteur dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech ġie appuntat f’isem il-Partit Popolari Ewropew bħala Rapporteur dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea.

Waqt konferenza bl-isem ta’ ‘Impjieg Aħjar- Impjieg li Jixraqlek’ organizzata mill-moviment Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fuq Radio 101, Francis Zammit Dimech sostna li il-ħaddiema u l-impjegati jixirqilhom l-ikbar rispett għax-xogħol tagħhom.

Huwa qal ukoll li “jeħtieġ li nassiguraw kundizzjonijiet tajbin u trasparenti għall-ħaddiema kollha tagħna.”  Huwa se jkun qed  jaħdem biex jassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema Maltin ikunu riflessi f’din il-liġi li se jkollha l-iskop li ssaħħaħ dawk id-drittijiet li l-ħaddiema diġa’ għandhom, filwaqt li tħares lin-negozji minn burokraziji u toqol żejjed”.

Zammit Dimech innota kif dan ir-rapport se jkun qed jidħol f’diversi aspetti importanti li għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet tax-xogħol – fosthom il-kuntratti li jidħlu fihom il-ħaddiema, il-perjodi ta’ probation, il-possibilta’ li ħaddiema jaħdmu għal iktar minn persuna jew kumpanija waħda, il-ħinijiet tax-xogħol, u t-taħriġ fost affarijiet oħra.

Zammit Dimech żied jgħid li bħal ma ilu jagħmel sa minn meta beda l-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, anke f’dan ix-xogħol bħala rapporteur se jkun qed jiltaqa’ mal-istakeholders kollha kkonċernati – fosthom rappreżentanti tal-ħaddiema u anke intrapriżi micro, żgħar u medji.

Zammit Dimech wiegħed li se jkompli jaħdem biex ikun il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu fil-Parlament Ewropew.