Valletta huma champions għall-24 darba fl-istorja tagħhom. Dan wara li fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat, huma rebħu 2-1 kontra Gżira filwaqt li Balzan tilfu 1-0 kontra Hibs.
B’hekk, fl-istess ħin, Balzan naqqsu milli jirbħu l-Kampjonat għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.
Sa qabel dawn iż-żewġ partiti Valletta u Balzan kienu bl-istess punti imma ż-żelqa ta’ Balzan u r-rebħa ta’ Valletta fissret li l-Beltin ikunu nkurunati champions ta’ Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq Twitter feraħ lill-klabb ta’ Valletta FC għal din il-kisba tagħhom, filwaqt li faħħar lil Balzan għal kampjonat li għamlu din is-sena:
#Congratulations @valletta_fc for winning their #24th title. Was a truly exciting season with @balzan1937 coming so close to their first title. #Malta 🇲🇹
— Adrian Delia (@adriandeliapn) April 21, 2018
Il-Beltin attakkaw għal ħinijiet twal u setghu anke rebħu bi skor akbar imma Gżira ddefendew bil-għaqal u rnexxielhom iżommu l-iskor rispettabbli sat-tmiem.
Kif mistenni Valletta mill-ewwel fetħu fuq l-attakk u damu biss seba’ minuti biex fetħu l-iskor meta Nwoko qassam għan-nofs fejn Saleh u Piciollo dehru żmarkati u għalkemm Saleh deher li seta’ jikkonkludi, hu ħalla l-ballun lil MATTEO PICIOLLO li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Curmi.
Il-Beltin baqgħu l-ahjar tim bi Gżira ftit li xejn iwettqu reazzjoni. Kellna nistennew sal-25 minuta biex naraw azzjoni oħra Beltija imma Nwoko xxuttja għoli wara li daħal fil-kaxxa l-kbira.
Ftit wara Saleh għadda ballun lil Piciollo li minn qagħda tajba naqas li jikkontrolla tajjeb biex iċ-ċans inħela.
Fit-33 minuta freekick ta’ Alba ġiegħel lil Curmi jsalva tajjeb biex idawwar il-ballun f’korner.
Gżira ħolqu l-ewwel azzjoni denja fid-39 minuta imma x-xutt ta’ Thackray għadda għoli fuq il-lasta ta’ Bonello.
Valletta reġgħu ħarġu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u resqu qrib wara ħames minuti permezz ta’ xutt imkaxkar ta’ Alba li għadda jhakkek ma’ sieq il-lasta.
Fil-65 minuta Valletta rduppjaw meta Malano qassam lil Raed Ibrahim SALEH li daħal tajjeb fil-kaxxa qabel għeleb lil Curmi b’xutt fil-baxx għar-rokna.
Kien wara dan il-gowl li Gżira ppruvaw iwettqu reazzjoni u wara li Bonello salva xutt mill-qrib ta’ Garba, fit-80 minuta l-Maroons rebħu penalty meta Camilleri waqqa’ lil Corbolan fil-kaxxa u mill-11-il metru Andrew COHEN ma falliex biex id-distakk. Valletta ddefendew sat-tmiem biex ħadu r-rebħa li fissret ir-rebħ tat-titlu
Balzan jonqsu milli jisfurzaw decider
Fl-aħħar 90 minuta tal-kampjonat Habernians taw prestazzjoni mill-aqwa biex meritatament għelbu l-isfida ta’ Balzan b’gowl ta’ Failla kmien fit-tieni taqsima, li magħquda mir-rebħa ta’ Valletta fuq Gżira, rajna t-titlu jmur għall-24 darba fil-kapitali.
Balzan iddiżappuntaw fl-iktar mument deċiżiv tal-kampjonat, Hibernians għamlu l-logħba tagħhom u ssieltu għal kull ballun, bid-diżappunt ta’ Balzan ikun wieħed kbir hekk kif dawn raw it-titlu jaħarbilhom għat-tieni sena konsekuttiva.
Il-logħba kienet bilanċjata u kellha l-mumenti tajbin tagħha, iżda wara li Hibs marru minn fuq, Balzan dehru konfużi u Hibernians ferm iktar organizzati biex żammew ir-riżultat sat-tmiem.
Il-bidu kien wieħed kalm fejn Hibernians kellhom iktar inizjattiva iżda Balzanħolqu l-ewwel periklu bi freekick ta’ Ryan Fenech li ħoloq paniku quddiem Hogg. Fl-10 minuta kien Jackson Lima li pprova xutt iżda l-mira kienet żbaljata.
Fis-16-il minuta nġenwita kbira mill-goalkeeper Janjusevic li tilef il-pussess tal-ballun fil-konfront ta’ Jurgen Degabriele li qabeż lill-goalkeeper u xxuttja f’lasta vojta iżda Serrano Valero salva gowl ċert minn fuq il-linja. F’din l-azzjoni l-istess Janjusevic weġġa’ u minkejja li żamm sa tmiem l-ewwel taqsima, kien mibdul fl-intervall u floku daħal Sean Mintoff.
Fit-23 minuta risposta ta’ Balzan meta minn kross ta’ Bezzina, Kaljevic bir-ras antiċipa l-ħarġa ta’ Hogg iżda l-ballun mar ftit għoli. Man-nofs siegħa Degabriele żmarka lil Mbong li daħal tajjeb fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu kien fjakk u ċentrali.
Wara l-bidu tajjeb ta’ Hibs, Balzan issa ħadu l-kontroll tal-logħba fejn Hibs irtiraw xi ftit taħt il-pressjoni tal-avversarji. Fl-40 minuta xutt bomba ta’ Bezzina kien imblukkat b’mod fortunat minn Kaljevic li weġġa’ wkoll fl-azzjoni.
Fit-tieni taqsima kien Effiong bl-ewwel azzjoni iżda x-xutt tiegħu falla l-mira. Fis-56 minuta Hibernians fetħu l-iskor meta minn korner ta’ Lima, Soares fuq l-ewwel lasta kompla bir-ras fejn CLAYTON FAILLA fuq it-tieni lasta kompla għal ġewwa bir-ras.
Ir-reazzjoni ta’ Balzan kienet fjakka u konfuża fejn Balzan bdew jixħtu ħafna crosses fil-kaxxa li bdew ikunu kkontrollati mid-difensuri Pawlisti. Fil-65 minuta azzjoni ta’ Bezzina fuq il-lemin u ballun lejn Mbong li wasal ftit tard għall-ballun. Minuta wara azzjoni simili u din id-darba jkun Degabriele li ma jolqotx quddiem il-lasta.
Balzan issa bdew jilagħbu b’disperazzjoni fl-attakk u minn ġrija ta’ Effiong, Da Paixao Alves bit-takkuna xeħet ftit barra. Erba’ minuti mit-tmiem Mintoff salva lil Balzan b’intervent diffiċli fuq xutt ta’ Bezzina.
Balzan attakkaw bla heda iżda ma rnexxielhomx jinfdu d-difiża ta’ Hibernians biex raw it-titlu jaħarbilhom minn idejhom.
//= $special ?>