Futbol Sport

FUTBOL SPANJOL: Illejla l-finali tat-Tazza tar-Re

Kollox jinsab lest għall-finali bejn Sevilla u Barcelona

Illejla fi Spanja se tintlagħab il-finali tat-Tazza tar-Re bejn Sevilla u Barcelona.

Ftit ilu, proprju fil-31 ta’ Marzu dawn iż-żewġ timijiet lagħbu kontra xulxin f’logħba valida mill-kampjonat u Sevilla kienu 2-0 minn fuq iżda ma għarfux jiddefendu l-vantaġġ li kellhom. Dan hekk kif lejn it-tmiem il-Katalani skurjaw darbtejn biex ħadu punt barra minn darhom.

Sevilla se jkunu ġejjin minn tliet drojiet filwaqt li Barcelona ma tantx qed ikunu konsistenti u se jkunu ġejjin minn draw, rebħa u telfa. Dan l-aħħar huma sofrew diżappunt kbir hekk kif kontra kull mistenni sfaw eliminati miċ-Champions League meta, wara li rebħu 4-1 fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali kontra Barcelona, tilfu 3-0 barra minn darhom.

Minn naħa tagħhom anke Sevilla ġew eliminati miċ-Champions League dan l-aħħar u se jimmiraw li jirbħu dan l-unur kontra l-holders. Fl-istaġun li għadda Barcelona rebħu din it-tazza meta fil-finali kienu rebħu 3-1 kontra Alaves. Sena qabel, jiġifieri fl-206 Barcelona rebħu l-finali meta kienu għelbu lill-istess Sevilla 2-0.

Sena ilu t-tazza tar-Re li rebħu Barcelona kienet l-uniku tazza li rebħu fl-istaġun hekk kif kellhom jaraw lir-rivali Real Madrid jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League.

Dan l-istaġun hu storja differenti għax Barcelona jinsabu ferm viċin li jirbħu l-kampjonat u fil-fatt jagħmlu dan jekk fi tmiem il-ġimgħa li ġejja jirbħu kontra Deportivo La Coruna.

Jekk Barcelona jirbħu t-tazza tar-Re u l-kampjonat ikunu, f’dawn l-aħħar erba’ staġuni, rebħu tliet darbiet id-‘Double’ domestiku.

Barra minn dan, jekk illejla Barcelona jirbħu din it-tazza jsiru t-tielet tim fl-istorja li jkun rebaħ erba’ darbiet it-tazza domestika nfila.

Għal logħba tal-lejla Barcelona se jkollhom il-plejers kollha disponibbli filwaqt li Sevilla se jkollhom jgħaddu mingħajr Kjaer.

Il-finali tal-Ħadd se tkun l-aħħar waħda tal-plejer leġġendarju ta’ Barcelona Andres Iniesta li mistenni jħalli lit-tim Spanjol biex imur jilgħab iċ-Ċina.

Il-kowċ ta’ Sevilla Montella jista’ jsir it-tielet kowċ Taljan wara Claudio Ranieri u Carlo Ancelotti li jkun rebaħ dan l-unur. Barra minn hekk jekk kemm-il darba Sevilla jirbħu dan l-unur għalihom ikun suċċess mill-aqwa wara li kmieni matul dan l-istaġun keċċew lill-kowċ u ħatru lill-istess Montella.

Il-finali se tintlagħab fil-grawnd ta’ Atletico Madrid.

Formazzjonijiet probabbli:
Sevilla:
Soria; Jesus Navas, Mercado, Lenglet, Escudero; N’Zonzi, Banega; Joaquin Correa, Franco Vazquez, Sarabia; Muriel
Barcelona: Cillessen; Sergi Roberto, Pique, Umtiti, Alba; Coutinho, Rakitic, Busquets, Iniesta; Messi, Suarez