Lokali

Għada ser issir manifestazzjoni favur il-ħajja

L-Isqfijiet ser jieħdu sehem fil-Manifestazzjoni favur il-Ħajja

Għada ser tkun qed issir manifestazzjoni favur il-ħajja minn quddiem Kastilja sal-Parliament. L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ser ikunu qed jattendu għal din il-manifestazzjoni.

L-organizzaturi mill-organizzazzjoni Life Network Foundation, qed jużaw is-slogan ‘Embrijun Wieħed Minna’ sabiex iwasslu l-messaġġ li l-ħajja tibda sa mill-konċepiment. Dan qed isir wara li l-Gvern ressaq l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni. Dawn l-emendi ġibdu kritika qawwija minn diversi tobba, ġinekoloġi u professjonisti mediċi.

Il-Moviment ta’ Kana ukoll tkellem dwar dan is-suġġett fejn qal li huwa sensittiv għax-xewqat ta’ koppji f’relazzjoni stabbli li jixtiequ jġibu t-tfal fid-dinja, u jemmen li dawn il-koppji għandhom jingħataw l-għajnuna biex jilħdu dan il-għan. Il-Liġi preżenti hija favur l-għajnuna lill-koppji u tilħaq bilanċ bejn id-drittijiet tal-embrijun u l-interessi u x-xewqat tal-koppji li għandhom diffikultajiet biex iġibu t-tfal fid-dinja. Intant il-Moviment ta’ Kana isostni li l-emendi proposti jkasbru d-dinjità tal-ħajja sa mit-tnissil.

Il-manifestazzjoni mistennija tibda fl-4pm u tintemm għall-ħabta tal-5.30pm.

U l-eks deputat Laburista Deborah Schembri s-Sibt filgħodu appellat lill-Gvern biex jisma’ l-ilmenti tan-nies dwar il-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, u jevita li jkollna problemi etiċi aktar ‘il quddiem.

Il-kandidata tal-Partit Laburista kienet qed tiġi intervistata fuq radju RTK.