Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, ħabbar li ssospenda l-provi kollha missilistiċi u li beħsiebu jagħlaq is-sit għall-provi nukleari f’pajjiżu. Intant, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat komunista qalet li ‘il-Korea ta’ Fuq, mill-21 ta’ April, mhix se tkompli bit-testijiet nukleari jew il-provi b’missili ballistiċi interkontinentali’.
Min-naħa tiegħu, Kim Jong-un qal li ma hemmx bżonn ta’ aktar provi meta l-kapaċitajiet nukleari ta’ Pyongyang diġà huma ‘verifikati’.
L-aħbar sorpriża ta’ Kim ħarġet fi żmien meta l-Korea ta’ Fuq qed tħejji għal taħditiet storiċi mal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti.
Kim Jong-un, il-ġimgħa d-dieħla, se jiltaqa’ mal-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, għall-ewwel summit inter-Korean f’aktar minn għaxar snin. Jerġa’ aktar mistennija hi l-laqgħa li trid issir bejn Kim u l-President Amerikan, Donald Trump, sa Ġunju.
L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel ilhom iħeġġu lill-Korea ta’ Fuq biex timpenja ruħha għad-denuklearizzazzjoni. Intant, dawn il-pajjiżi reaġew b’mod pożittiv għall-aħbar ta’ Kim fis-sens li se jieqfu l-provi missilistiċi u tan-nukleari min-naħa tar-reġim fi Pyongyang.
Dritt wara l-aħbar, il-President Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘il-waqfien tal-provi mill-Korea ta’ Fuq irid jitqies bħala aħbar tajba ħafna kemm għall-Koreani komunisti u d-dinja’. Trump sostna li dan ifisser ukoll ‘pass kbir ‘il quddiem’ fil-kriżi ma’ Pyongyang waqt li qal li hu qed iħares ‘il quddiem b’ħerqa għas-summit ma’ Kim.
Kelliema għall-Gvern tal-Korea t’Isfel ukoll enfasizzaw ‘il-progress sinifikanti’ waqt li qalu li d-deċiżjoni ta’ Kim Jong-un għanda tgħin biex toħloq klima pożittiva ferm għas-suċċessi tas-summits imminenti (bejn il-Korej u bejn Kim Jong-un u Donald Trump’.
Iċ-Ċina, bħala l-alleata ewlenija tal-Korea ta’ Fuq, ukoll faħħret id-deċiżjoni ta’ Pyongyang biex iwaqqaf il-provi missilistiċi u nukleari bħala ‘miżura li tgħin għat-titjib tas-sitwazzjoni mal-peniżola Koreana’.
//= $special ?>


