Lokali

FORBIDDEN STORIES: Wara 4 ijiem, Kastilja twieġeb b’dan il-mod

Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Fearne totalment fil-muta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhu se jieħu l-ebda azzjoni immedjata biex ineħħi lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu stess, Keith Schembri.

Dan wara li l-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali li qed jaħdmu fuq Daphne Project kixfu aktar dettalji dwar il-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama u r-rabta li hemm mal-kumpanija 17Black f’Dubaj. Il-ġurnal The Malta Independent bagħat numru ta’ mistqosijiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat – fejn fost l-oħrajn saret referenza għall-evidenza konkreta għall-intenzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi li jużaw il-kumpaniji tagħhom fil-Panama għall-business privat.

F’domandi lill-uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie mistoqsi jekk il-Prim Ministru hux beħsiebu jieħu xi azzjoni jew jitlobhom jirriżenjaw.

Dan filwaqt li sar aċċenn fuq mistoqsija  partikolari –  x’hemm bżonn jiġi żvelat aktar qabel jieħu azzjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri u meta se jkun biżejjed li l-Prim Ministru jagħżel li jneħħihom mill-karigi li jokkuppaw mal-Gvern.

Iżda l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal biss li hemm inkjesta indipendenti għaddejja dwar dawn l-akkużi u l-Prim Ministru mhux se jindaħal fil-konklużjoni ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Żied jgħid li jekk jinstab li saru affarijiet mhux f’posthom, il-persuni involuti jridu jerfgħu r-responsabilita`.

Mistoqsijiet li intbagħtu separatament lil Konrad Mizzi, Keith Schembri u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne – baqgħu ma ġewx imwiegba.

Intant, il-Ġimgħa ż-żewġ deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi, u l-membru ewroparlamentari David Casa marru l-Qorti sabiex jitolbu għall-inkjesta ġdida dwar l-aħħar żviluppi minn dak li hu magħruf bħala Daphne Project.

Fi tweet, Simon Busuttil qal li hemm biżżejjed raġunijiet biex Keith Schembri u Konrad Mizzi jitkeċċew u jitpoġġew taħt investigazzjoni kriminali.

Simon Busuttil qal li hu ċar u ovju għal kulħadd li jista’ jkun hemm biss raġuni waħdagħaliex Joseph Muscat jibqa’ jiddefendihom.