Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Rimonta Karkariża taċċerta r-raba’ post

(Ritratt – Matthew Tabone)

Stewart Said

BIRKIRKARA………….4
ĦAMRUN S………………2

Rimonta ta’ Birkirkara lejn tmiem l-ewwel taqsima u l-bidu tat-tieni taqsima kkonfermat ir-raba’ post għal Birkirkara fi staġun turbulenti. Dan ir-raba’ post bħalissa qed itihom post fl-Ewropa, u jkun konfermat kemm il-darba Sliema ma jirbħux l-FA Trophy.

It-tim ta’ Paul Zammit iddiżappunta fl-ewwel minuti tal-logħba iżda wara li Nikola Vukanac naqqas id-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima, Birkirkara għamlu l-isforz meħtieġ biex dawru l-iskor u minn hemm ikkontrollaw sat-tmiem.

Birkirkara ħolqu l-ewwel azzjoni wara ħames minuti b’xutt ta’ Edward Herrera li kien salvat minn Jake Galea. Ħamrun fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom fl-14-il minuta. Marco Criaco qassam lejn Alex NILSSON li ġibed il-ballun għan-nofs u b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Naumovski.
Il-Ħamruniżi rduppjaw fil-41 minuta bi free-kick preċiż ta’ Marco CRIACO li għeleb lil Naumovski. Birkirkara daħlu fil-logħba qabel il-mistrieħ bi free-kick ta’ Edward Herrera li sab lil Nikola VUKANAC li għeleb lil Jake Galea b’daqqa ta’ ras.

Fi tmiem l-ewwel taqsima kien hemm xi argument bejn iż-żewġ settijiet ta’ partitarji kif ukoll dawk fil-VIP, b’uħud mill-plejers ta’ Ħamrun ikunu nvoluti wkoll.

Birkirkara ħarġu aħjar u fid-49 minuta ġabu d-draw b’xutt b’saħħtu ta’ Edward HERRERA li għeleb lil Galea. Ħamrun wieġbu ftit wara b’xutt mill-qrib ta’ Alex Nilsson li kien salvat bi bravura minn Naumovski.

L-Istripes marru minn fuq fl-54 minuta. Waldemar Acosta ta ballun preċiż lejn Ognjen ROLOVIC li avvanza u tefa’ wara Jake Galea. Wara dan il-gowl, il-partita naqset mir-ritmu tagħha bl-ebda azzjoni denja, sakemm ħames minuti mit-tmiem, Birkirkara għalqu l-logħba. Ognjen ROLOVIC irċieva mingħand Edward Herrera mill-kaxxa ż-żgħira u għeleb lil Jake Galea.