L-Uffiċjali fin-Nikaragwa qalu li nqatlu talanqas għaxar persuni waqt tlett ijiem konsekuttivi ta’ konfronti bejn il-pulizija u dimostranti li qed jipprotestaw għall-bidliet fis-sistema tal-pensjoni.
Il-Viċi-President, Rosario Murillo, li hi wkoll il-First Lady tan-Nikaragwa, ikkundannat bl-aħrax lid-dimostranti u għajjrithom ‘vampiri li jridu jmexxu aġenda politika’. Intant, hi insistiet li l-Gvern Sandinista jinsab lest għad-djalogu u mhux se jżomm lura milli jiddiskuti ‘kull suġġett’ waqt l-eqqel tal-kriżi.
Il-mewġa tal-inkwiet hi l-aktar qattiela fin-Nikaragwa mindu l-President Daniel Ortega ħa l-poter, fl-2007. Il-konfronti attwali, intant, huma reazzjoni għal leġislazzjoni li żiedet il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni min-naħa tal-ħaddiema u l-ażjendi li jħaddmu minbarra li naqqset il-benefiċċji fuq livell ġenerali.
Il-vjolenza bdiet f’nofs il-ġimgħa meta ħarġu l-pensjonanti fit-toroq ta’ Managwa, il-belt kapitali tan-Nikaragwa. L-azzjoni kienet segwita b’dimostrazzjoni minn eluf ta’ studenti u ħaddiema fil-kapitali. L-aħħar rapporti minn Managwa qalu li ‘il fuq minn 100 persuna sfaw feruti fil-konfronti mal-pulizija u meta hemm ukoll l-inkwiet f’diversi bliet oħrajn tan-Nikaragwa.
Il-Gvern Sandinista qed jgħid li d-dimostranti taw in-nar lil numru ta’ bini pubbliċi. Dan fost rapporti li ‘ingħalqu fil-kampus’ l-istudenti mill-Università Politeknika f’Managwa.
Id-dimostranti qed jakkużaw lill-pulizija għal kontra l-irvellijiet u s-sostenituri tal-Gvern bħala ‘l-ixprun wara din il-vjoelnza’. Fl-istess ħin, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni indipendenti qalu li ‘twaqqfulhom ix-xandiriet’ wara li huma wasslu filmati diretti tad-dimostrazzjonijiet fin-Nikaragwa.
//= $special ?>

