Il-Ministru Chris Cardona, li nhar il-Ħamis, 26 ta’ April mistenni jagħti x-xhieda tiegħu fil-kawża li fetaħ hu stess kontra s-Sinjura Daphne Caruana Galizia, issa maqtula, mistenni li jwaqqa’ l-istess kawża li tista’ ssallbu u titfgħu f’baħar ta’ nkwiet akbar.
Il-Ministru Chris Cardona diġà jinsab f’taħwid kbir ta’ nkwiet u matul din il-ġimgħa reġa’ kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li nġiebet għall-attenzjoni ta’ kulħadd laqgħa li allegatament hu kellu ma’ wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, proprju f’bar fis-Siġġiewi u ftit qabel l-arrest tal-istess wieħed mill-persuni moħbija wara t-tqegħid tal-bomba f’Ottubru li għadda.
Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat xhieda ta’ persuna li kien ra lill-Ministru Chris Cardona fis-sex club ‘FKK Accapulco’, fil-belt ta’ Velbert f’Dusseldorf, fil-Ġermanja. Dan waqt li Chris Cardona kien fuq xogħol uffiċjali bħala Ministru tal-Gvern kif ukoll tal-Unjoni Ewropea peress li Malta kellha l-Presidenza.
Waqt li kien ċaħad l-akkużi, Chris Cardona sa issa għadu ma pproduċiex evidenza li tista’ sservi ta’ alibi li fil-verità ma kienx fis-sex club ‘FKK Acapulco’.
Fuq talba ta’ Daphne Caruana Galizia biex tinġabar id-‘data’ li tiżvela fejn kien il-mowbajl tal-Ministru Cardona fil-ħin li allegatament kien fis-sex club, il-Ministru Cardona pprova jwaqqaf dan iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tiegħu.
B’hekk, l-uniku mod li fadallu l-Ministru Cardona biex iwaqqaf din l-informazzjoni milli toħroġ hu billi jwaqqa’ l-kawża. F’każ li l-kawża tkompli u jirriżulta li l-Ministru Carona kien fis-sex club ‘FKK Acapulco’, kif kienet irrappurtat Daphne Caruana Galizia, allura jkun ifisser ukoll li l-Ministru Chris Cardona gideb.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>