Lokali

Fearne ma jiddefendix lil Cardona għax iridu jitlaq

Joqgħod lura milli jiddefendih fil-Parlament u filwaqt li fis-Seduta tat-Tlieta li għadda ma jitfaċċax fil-Parlament, l-għada qies kliemu bl-aktar mod rigoruż

Hu evidenti li l-Ministru Chris Fearne ma jridx jaħraq lilu nnifsu minħabba dak li qed ikun żvelat dwar il-kollega tiegħu l-Ministru Chris Cardona.

Fil-Parlament nhar it-Tlieta meta kienu diskussi b’urġenza l-aħħar żviluppi żvelati dwar Chris Cardona, il-Ministru Chris Fearne ma deherx b’nemes u kellu jkun il-Whip tal-Partit, Byron Camilleri, li serva ta’ porta-vuċi għall-Gvern fil-konfront tal-mistoqsijiet diretti mill-Oppożizzjoni.

L-għada, meta l-kwistjoni reġgħet inqalgħet, il-Ministru Chris Fearne kien preżenti fil-Parlament – anki għaliex aktar tard kellu jibda jippilota d-diskussjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni li jrid idaħħal il-Gvern – iżda fit-tweġibiet u fl-interventi tiegħu qagħad b’seba’ mitt għajn biex ma jikkompromettix lilu nnifsu.

Hu sigriet magħruf li l-Ministru Chris Fearne għandu t-tir preċiż li jieħu post Joseph Muscat darba dan jirtira fix-xhur li ġejjin mill-karigi ta’ Prim Ministru u anki ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.

Chris Fearne qiegħed joqgħod attent ħafna f’dak kollu li jagħmel u f’dak kollu li jgħid biex darba tibda t-tellieqa uffiċjali għat-Tmexxija tal-Partit, allura ħadd ma jkun jista’ jipponta subgħajh lejh u jagħmillu ħsara fil-kampanja li jkun qiegħed jagħmel biex jirbaħ it-Tmexxija tal-Partit f’idejh.

Sorsi infurmati qalu lil il-mument, li Chris Fearne iltaqa’ mal-Prim Ministru f’Kastilja tard il-Ħadd bil-lejl qabel ma Joseph Muscat telaq lejn l-Ingilterra għall-impenji tal-Commonwealth. Mhux eskluż li Fearne insista mal-Prim Ministru li l-pożizzjoni ta’ Chris Cardona m’għadhiex tenibbli, iżda għal xi raġuni Joseph Muscat u dawk qrib tiegħu ma jistgħux imissu lil Chris Cardona bħalma għamlu lil Anġlu Farrugia meta qal nofs kelma dwar Maġistrat, jew lil Manuel Mallia meta kien ix-xufier tiegħu li spara lejn karozza, jew lil Michael Falzon meta kien membru tas-segretarjat tiegħu involut fl-iskandlu ta’ Triq Zekka.

Is-sorsi jgħidu li Fearne, u xi oħrajn li jappoġġjawh, qed jinsistu li Cardona għandu jitlaq qabel is-sitwazzjoni tiggrava.

Aktar fil-gazzetta il-mument…