Lokali

FILMATI: Eluf jattendu manifestazzjoni favur il-ħajja fil-Belt Valletta

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien wieħed fost l-eluf li attendew għall-manifestazzjoni

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin il-Ħadd waranofsinhar imxew mat-toroq tal-Belt b’messaġġ wieħed favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewta naturali u kif l-embrijun hu wieħed minna.

Il-mixja bdiet minn Pjazza Kastilja u spiċċat fil-Pjazza tal-Parlament. Fost diversi personalitajiet, attendew l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons Pawlu Cremona, l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech u l-Vigarju Ġenerali Mons Joe Galea Curmi.

Preżenti wkoll diversi Deputati u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kap tal-Partit Adrian Delia u martu Nickie de Fremaux, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali.

Il-folla preżenti kienet indirizzata fost l-oħrajn minn Dr Miriam Sciberras, iċ-Chairperson tal-Life Network Foundation, li qalet li l-emendi li qed jipproponi l-Gvern ikissru l-fibra tal-moralità. Qalet li hu skandaluż kif waqt il-programm “Xarabank” tal-Ġimgħa li għadda, l-Espert tal-Gvern qal li l-embrijuni mhux kollha ndaqs.

Sostniet li l-Gvern m’għandux mandat elettorali biex is-surrogacy tkun diskussa, aħseb u ara implimentata, u bħall-eks Deputat Mexxej Laburista George Vella, temmen li l-emendi għandhom jieqfu ħalli tirbaħ il-ħajja.

Kelliem ieħor kien il-Pedjatra Dr Joseph Mizzi, li qal li l-emenda kif iridha l-Gvern għandha prezz għoli għax uħud mill-embrijuni se jispiċċaw iffriżati u eventwalment mejta. Għaldaqstant mhix fl-aħjar interess tat-tfal.

Pauline u Patrick Camenzuli, koppja li tbati mill-infertilità, spjegaw kif huma stess jinsabu fiż-żarbun ta’ min ma jistax ikollu t-tfal. Madankollu, xorta ma jaqblux mal-emendi ppreżentati mill-Gvern għax jemmnu li l-ġenituri se jkunu qed jiddiskriminaw bejn l-ulied prospettivi tagħhom stess.

Joseph Margo, Rumen adottat minn familja Maltija, spjega kemm iħossu moħħu mistrieħ li maż-żmien irnexxielu jiltaqa’ mal-ġenituri naturali tiegħu. Iżda b’din l-emenda, ħa tinħoloq problema lit-tfal ta’ għada, li se jispiċċaw ma jiltaqgħu qatt mal-ġenituri naturali tagħhom.

David Rossi, li ddikjara kif fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ivvota lill-Partit Laburista. Madankollu, illum jirrikonoxxi li d-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra ma jistgħux iħarsu lejn din il-kwistjoni bil-kuluri blu jew aħmar. Minflok, quddiemhom għandhom l-għażla bejn il-ħajja u l-mewt.

Dr Joanna Rose, imwielda hi stess minn donazzjoni tal-isperma barra minn xtutna. Hi spjegat l-importanza li wieħed ikun jaf l-istorja medika u tiegħu personali. Dan hekk kif f’każ ta’ diffikultà medika, wieħed jaf isib problema biex tkunlu stabbilita l-oriġini tal-kundizzjoni u jekk din hijiex ereditarja.

Hi enfasizzat aktar minn darba li mhux veru li b’dawn l-emendi, kollox se jkun sew. U l-Maltin preżenti qed jagħmlu sew li qed jieħdu pożizzjoni ċara għax sostniet li ma nistgħux nibqgħu għomja quddiem il-ġenerazzjonijiet futuri.