Il-Partit Nazzjonalista konxju illi n-numru ta’ tfal ġewwa l-gżejjer tagħna affettwati mil-kundizzjoni ta’ l-awtismu u kundizjonijiet simili qegħed kull ma’ jmur dejjem jikber.
Dan saħqitu l-kelliema għall-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, Persuni b’diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-vizzji, Maria Degaura f’okkażżjoni tal-Autism Awareness Day
Hija sostniet li l-Partit Nazzjonalista jinsab konxju wkoll mid-diffikultajiet u l-isfidi kbar li l-ġenituri u l-familji ta’ dawn it-tfal kontinwament iħabtu wiċċhom magħhom u għaldaqstant itenni li b’sens ta’ solidarjetà li jistħoqilhom kull appoġġ u kull għajnuna tas-soċjetà Maltija.
Il-Partit Nazzjonalista insista li jinsab konxju li minkejja li ġew imnedija skemi ta’ għajnuna mil-Gvern, dawn la huma biżżejjed, la huma imfassla fuq il-ħtiġiet u bżonnijiet individwali u lanqas ma qegħdin jilħqu lil kull min jinħtieġhom b’mod xieraq.
L-ispeċjalistà dwar l-awtiżmu, Melvin Attard tkellem ma’ NET News fejn saħaq li huwa importanti li l-ġenituri jieħdu l-għajnuna mill-ewwel hekk kif jaraw sinjali ta’ awtiżmu f’uliedhom. Huwa ddeskriva dan il-pass bħala investiment f’ħajjet l-ulied.
Huwa saħaq li l-pubbliku għandu bżonn l-ghajnuna sabiex jifhem persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu – u dan kien l-iskop ewlieni ta’ din il-ġurnata organizzata mill-Malta Autism Centre ġewwa s-Swatar. Attard insista li għalkemm qed isir ħafna xogħol f’dan il-qasam x-xewqa tagħhom hija li dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw l-ispazju u leħinhom jingħata jinstema’.
Il-PN ikkonferma s-sostenn sħiħ tiegħu sew lill-persuni kif ukoll lil-familji tagħhom u għal- darba oħra itenni li konvint u determinat li jiżgura li dawn il-membri tas-soċjeta’ jingħataw kull forma ta’ għajnuna li bi dritt jisħoqilhom.
//= $special ?>
