‘Jiena favur il-ħajja. Il-Partit Nazzjonalista favur il-ħajja. Favur il-ħajja tal-embrijun uman u t-tarbija fil-ġuf bla vuċi u favur il-ħajja tal-ġurnalista li nqatlet ghax tkellmet. Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika bit-tema Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’saħħitha f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-Kap tal-PN qal ukoll li hu favur il-ħajja ta’ min jiġġieled il-korruzzjoni u favur ta’ min iqum bil-wieqfa u jitkellem għal pajjiżu u mhux ta’ min ibiegħ lill-pajjiżu u l-passaporti.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-valur tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Din il-pożizzjoni favur il-ħajja tal-Partit Nazzjonalista kienet rijaffermata wkoll mill-Eżekuttiv tal-partit b’mod ċar. Huwa qal li għandna nagħtu l-għajnuna kollha possibbli lill-koppji li qed ibatu għaliex ma jistgħux isiru ġenituri minħabba problemi ta’ infertilità, iżda din l-għajnuna għandha tingħata b’mod li nipproteġu l-ħajja tal-embrijun uman. Huwa qal ukoll li l-Gvern m’għandux il-mandat elettorali biex idaħħal is-surrogacy f’Malta, tant li Joseph Muscat stess kien stqarr dan fil-Parlament.
Kompla li fl-emendi li jrid iressaq għal-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrjun, l-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex ma jużax il-kliem tarbija fil-ġuf. Dan għaliex l-istess Gvern irid ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf li hemm fil-liġi tal-Vjolenza Domestika.
Adrian Delia qal li l-Gvern irid ibiddel b’mod drastiku s-soċjetà tagħna u pajjiżna jġibu ‘a soulless state’ – stat bla ruħ. Huwa saħaq li l-Prim Ministru għandu ħafna xi jwieġeb, fosthom għaliex għadu ma’ aġixxiex fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, Chris Cardona u Keith Schembri fl-sfond ta’ provi ġodda.
Adrian Delia qal li mhux vera li l-Gvern jemmen fl-ugwaljanza, fid-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. Huwa qal ukoll li jekk il-Gvern qed iħares biss lejn il-voti, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares lejn il-ħajja. Dan għaliex għall-Partit Nazzjonalista kull ħajja tgħodd. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jiġġieled għat-tarbija fil-ġuf, li m’għandhiex leħen u meta jkun fil-Gvern, se jassigura li reġġa’ lura kull liġi li l-Gvern Laburista se jdaħħal li tmur kontra l-ħajja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista huwa partit li mill-Oppożizzjoni qiegħed itejjeb il-ħajja tan-nies. Adrian Delia qal li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista huma mifuħin u se jibqa’ jitkellem għan-nies, kontra l-korruzzjoni u favur il-ħajja.
//= $special ?>