Futbol Sport

Iċ-Champions Qormi jtemmu b’rebħa

Il-captain Alessio Cassar jirċievi t-trofew (Ritratt: BOV)

SAN ĠWANN ……………..1

QORMI ……………………. 2

San Ġwann: A. Camilleri, A. Cachia, A. Borg (J.P. Attard 82’), G. Henshaw, C. Gauci, T. De Souza, K. Gatt, D. Fenech (A. Abela 78’), P. Kanzurov (G. Pace 68’), J. Bowman, J. Azzopardi

Qormi: J. Azzopardi, B. Grech, L. Adamec (K. Spiteri 73’), Y. Yankam, L. Busuttil (I. Zammit 65’), J. Salaroli, N. Ghio, A. Cassar (S. Zammit 73’), D. Vukovic, T. Gusman, M. Camilleri

Referee: Daniel Portelli

Iċ-champions Qormi iċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat b’rebħa diffiċli fuq San Ġwann li onoraw l-impenn u taw battikata liċ-champions il-ġodda. Kienet logħba interessanti bil-Qriema xi ftit aħjar iżda kif għidna San Ġwann taw wirja pożittiva wkoll.

Wara seba’ minuti l-ewwel azzjoni tal-Qriema permezz ta’ Saliroli li x-xutt tiegħu kien parzjalment salvat minn Camilleri u mir-rebound Michael Camilleri xeħet inkredibilment għoli. L-ewwel risposta ta’ San Ġwann fit-12-il minuta permezz ta’ Henshaw li minn pożizzjoni angolata xeħet ftit għoli.

Mal-kwarta logħob Qormi sfortunati meta xutt bid-dawra ta’ Luke Busuttil ħabat mal-mimduda u mir-rebound ix-xutt ta’ Vukovic kien imblukkat minn Camilleri. Fit-18-il minuta Qormi fetħu l-iskor meta TENSIOR GUSMAN spara fis-saqaf tax-xibka minn pożizzjoni angolata għal gowl verament tajjeb.

Iżda Qormi gawdew il-vantaġġ għal żewġ minuti biss għaliex wara żball fid-difiża bejn Adamec u l-gowlkiper Azzopardi, kien GODWIN HENSHAW li approfitta u xeħet f’lasta vojta. Fl-34 minuta rovexxjata ta’ Gusman imxellfa minn Gauci bil-ballun jaħbat mal-mimduda.

Fl-aħħar minuti tat-taqsima kienu San Gwann l-iktar perikolużi fejn fl-40 minuta l-gowlkiper Azzopardi salva għal darba darbtejn fuq tentattivi tal-perikoluż Godwin Henshaw.

It-tieni taqsima kienet ferm iktar kwieta anki jekk Qormi kellhom l-inizjattiva iżda l-intensita tal-logħba naqset ferm. Biss fil-71 minuta Qormi marru minn fuq meta l-gowlkiper ta’ San Ġwann salva parzjalment free-kick ta’ Adamec u kien pront daħal is-sostitut IVEN ZAMMIT li sab ix-xibka minn qagħda angolata.

San Ġwann ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda Qormi żammew dan il-vantaġġ biex fit-tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet li laħqu l-qofol meta l-captain ta’ Qormi Alessio Cassar kien ippreżentat bit-trofew ta’ champions tal-ewwel Diviżjoni.

Tags