Internazzjonali

L-Afganistan: Għexieren ta’ maqtula wara attakk suwiċida f’Kabul

Attakk suwiċida  fuq ċentru għar-reġistrazzjoni tal-votanti fil-kapitali Afgana, Kabul, ħalla talanqas 30 mejtin. Dan meta ċ-ċifra tal-vittmi kienet mistennija tiżdied maż-żmien.

‘Il fuq minn 50 oħra sfaw midruba fl-isplużjoni, bil-parti kbira tal-vittmi jkunu membri ta’ folla li kienu qegħdin jistennew biex jidħlu fiċ-ċentru inkwistjoni.

Aktar tard, il-grupp terroristisku ISIS assuma responsabbiltà għal din l-atroċità permezz tal-aġenzija tal-aħbarijiet tiegħu, bl-isem Amaq.

Ir-reġistrazzjoni tal-votanti bdiet dan ix-xahar għall-elezzjonijiet leġislattivi li għandhom isiru f’Ottubru fl-Afganistan.

Ir-rapport tal-Amaq sosstna li aggressur suwiċida, li kien liebes ċinturin bl-isplussivi, ‘ikkonċentra l-attakk fuq iċ-ċentru’ fid-distrett ta’ Dashte Barchi, lejn il-Punent ta’ Kabul. In-nies li rappurtaw mill-inħawi qalu li ħafna mill-vittmi kienu nisa bit-tfal li kienu marru fiċ-ċentru biex jiġbru d-dokumenti tal-identità u jirreġistraw għall-elezzjonijiet.

Fl-aħħar jiem kienu seħħew attakki oħra fuq ċentri simili fl-Afganistan u mindu beda l-proċess għar-reġistrazzjoni tal-votanti madwar ġimgħa ilu.

Sadanittant, l-attakk tal-bieraħ jibqa’ l-aktar wieħed qattiel f’Kabul mindu, f’Jannar, inqatlu ‘il fuq minn 100 persuna fost azzjoni terroristika f’ distrett tal-kapitali li hu mimli bil-bini tal-Gvern u l-ambaxxati.

Il-Ministeru għall-Intern Afgani sostna, sadanittant, li l-ISIS u l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban qed jimmiraw għal ċivili ‘bl-iskop li jipprovokaw lin-nies biex iqumu kontra l-Gvern u jixprunaw il-kaos fil-pajjiż’.