Internazzjonali

L-Armenja: Arrestat wara li mexxa protesti kontra l-Gvern

Il-Pulizija fl-Armenja arrestaw deputat parlamentari tal-Oppożizzjoni li kien qed imexxi l-protesti kontra l-Gvern. Id-deputat Nikol Pashinyan spiċċa f’idejn il-pulizija wara li l-Prim Ministru Armen, Serzh Sargsyan, kien qata’ fil-qasir laqgħa ta’ bejniethom għall-mezzi tax-xandir.

Waqt id-diskursata ta’ bejniethom, li damet biss għal ftit minuti, Pashinyan insista għar-riżenja tal-Prim Ministru – b’Sargsyan iwieġeb li hu ‘kien qed ikun suġġett għar-rikatt’ qabel telaq minn fuq il-post.

Il-laqgħa saret f’lukanda tal-kapitali u attendew għaliha numru kbir ta’ ġurnalisti. Dan waqt li Sargsyan ċaħad li kien attenda l-laqgħa biex ‘jiddiskuti r-riżenja’ u sostna li ‘dan ma kienx it-tip ta’ djalogu xieraq fiċ-ċirkustanzi’.

L-Oppożizzjoni f’Yerevan tinsisti li bidliet riċenti fil-Kostituzzjoni tal-Armenja saru fuq inizjattiva tal-Prim Ministru Sargsyan, bil-għan li hu jibqa’ fil-poter.

Il-pass – approvat jiem ilu mill-Parlament Armen – isaħħaħ ir-rwol tal-Prim Ministru. Sargsyan ilu biss mill-ġimgħa l-oħra f’din il-kariga u wara li hu kien warrab minn President ladarba kkonkluda żewġ termini konsekuttivi.

Wara l-laqgħa mal-Prim Ministru, Pashinyan sejjaħ lis-sostenituri tiegħu biex ikomplu bil-protesti li ilhom għal aktar minn ġimgħa. Hu spiċċa arrestat ftit tal-ħin wara u waqt li l-pulizija kienu qed iferrxu eluf ta’ dimostranti f’Yerevan. Il-lokalità ta’ Pashinyan, għalissa, mhix magħrufa.