Lokali

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali beda jinvestiga d-‘deal’ tal-isptarijiet pubbliċi

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) beda jinvestiga d-‘deal’ tat-trasferiment tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare. Dan kien ikkonfermat mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’intervista mal-gazzetta The Sunday Times of Malta. Fearne qal li l-Awditur Ġenerali se jinvestiga kemm it-trasferiment oriġinali mill-Gvern għal għand Vitals kif ukoll it-trasferiment li sar lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet minn Vitals għal għand Steward.

Dan il-ftehim kien wieħed kontroversjali għall-aħħar, kemm għax id-dettalji tiegħu baqgħu mistura kif ukoll għall-fatt li minn konċessjoni ta’ 30 sena li setgħet tkun sa 90 sena fil-każ tal-Isptar San Luqa, Vitals għamlu inqas minn sentejn. L-istess kumpanija, li s-sidien tagħha għadhom mhux magħrufa, ħadet madwar €50 miljun mingħand il-Gvern.

Iktar kmieni din is-sena, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien fetaħ kawża fil-Qorti sabiex il-ftehim jiġi dikjarat null. Dan għaliex Vitals ma onorawx l-obbligi tagħhom fil-kuntratt u għaldaqstant, l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandhom jingħataw lura lill-poplu. Il-kawża bdiet tinstema’ quddiem l-Imħallef Silvio Meli.

Skont Chris Fearne, ma kienx hemm ħela ta’ fondi pubbliċi għaliex il-flus li għaddew għan Vitals għaliex dawn kienu skont il-kuntratt. Dwar il-mistoqsijiet li kien hemm rigward in-nuqqas ta’ esperjenza ta’ Vitals fit-tmexxija tal-Isptarijiet, il-Ministru tas-Saħħa qal li l-“problema iss telqet”.

Meta jitlesta, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali mistenni jkun diskuss fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament.