Sorsi fil-Partit Laburista qed isostnu li anke l-Grupp Parlamentari Laburista issa jinsab maqsum minħabba l-insistenza ta’ Joseph Muscat li jgħaddi l-emendi għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni kif inhuma mingħajr tibdil.
Konsegwenza ta’ hekk Joseph Muscat mhux se jagħti free vote bħalma għamel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia minkejja li l-pożizzjoni tiegħu hi kontra dawn l-emendi tant li ddikjara li se jivvota kontriehom.
Sadattant, dak antiċipat fil-bidu ta’ din il-ġimgħa mill-ġurnal In-Nazzjon meta ġie żvelat nuqqas ta’ qbil kbir fi ħdan il-Partit Laburista dwar l-Att li ressaq il-Gvern dwar il-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, kompla javvera ruħu fil-jiem li għaddew b’dikjarazzjonijiet minn Deborah Schembri u George Vella li mill-ġdid appellaw lil Joseph Muscat biex ma jibqax jirrombla billi jkompli jġib ‘il quddiem din il-Liġi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ikollu jiffaċċja vuċi dejjem tissaħħaħ u tikber internament fil-Partit tiegħu stess kontra dak li jrid jagħmel… ċioè li jintroduċi s-surrogacy, jiġifieri meta l-embrijun jitpoġġa f’ġuf ta’ mara oħra peress li l-omm ma tkunx tista’ ġġorrha hi, u li jagħmel legali l-iffriżar tal-embrijuni.
Imkien fl-emendi proposti ma hemm ċar li ma jistgħux jgħaddu flus għal dawn l-atti kemm jekk ikunu altruwistiċi u wisq iktar jekk isiru b’interess kummerċjali.
Hu sigriet magħruf li Membri Parlamentari fil-Grupp Parlamentari ta’ Joseph Muscat huma qatta’ bla ħabel kontra dan l-impenn ta’ Joseph Muscat u qed jinsistu li Muscat m’għandu l-ebda mandat elettorali biex idaħħal dawn l-affarijiet fil-pajjiż.
Il-qasma interna fil-Partit Laburista qed tkompli tikber bil-gazzetta il-mument tizvela kif hemm Membri Parlamentari Laburisti li qed isostnu li moralment huma għandhom diffikultà kbira biex jaċċettaw ċerti pożizzjonijiet imposti minn Kastilja.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>