Għalkemm tħabbar uffiċjalment li l-Imħallef Joseph Azzopardi se jkun qed jinħatar uffiċjalment il-Prim Imħallef il-ġdid, l-għażla oriġinali ta’ Kastilja kienet dik li din il-kariga tingħata lill-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Sorsi fil-Partit Laburista qalulna li fiċ-ċrieki ta’ Kastilja kienet ‘fatta’ li Peter Grech se jinħatar il-Prim Imħallef ġdid bl-intenzjoni li l-Gvern jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni għax ikun neħħieh minn Avukat Ġenerali (AĠ) mingħajr ma sfurzah jirriżenja.
Dan minkejja li kien hemm min qanqal l-argument li l-Gvern, b’Peter Grech fil-kariga ta’ Prim Imħallef, kien se jitilfu mir-rwol tiegħu ta’ Avukat Ġenerali fejn tul il-leġiżlatura li għaddiet u tul din il-leġiżlatura, sa issa ‘qdih mill-koxxa’ fejn tidħol interpretazzjoni tal-liġi.
Mhux l-ewwel darba li pożizzjonijiet ta’ Peter Grech ġew sfidati minn esperti tal-liġi b’esperjenza kbira bħad-Dekan tal-liġi fl-Università ta’ Malta, Kevin Aquilina, kif ukoll l-Imħallef tal-Qorti Ewropea Giovanni Bonello.
Iżda jidher li ġara xi ħaġa li wasslet lil Joseph Muscat biex ibiddel id-deċiżjoni u jagħżel lil Joseph Azzopardi. Is-sorsi ta’ il-mument jgħidu li dan ġej mill-fatt li hu jgawdi l-fiduċja ta’ ħafna mill-Imħallfin, Maġistrati kif ukoll avukati waqt li l-avukat Peter Grech m’għandux il-kwalitajiet meħtieġa biex imexxi.
Naturalment, kieku Peter Grech tpoġġa Prim Imħallef kienet tqum kwestjoni oħra: min se jintgħażel fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali tar-Repubblika u kif se titpoġġa persuna oħra tal-fiduċja ta’ Kastilja. Iffaċċjat b’din il-problema Muscat għażel li jżomm lil Peter Grech bħala Avukat Ġenerali u ma jċaqlaqx l-ilmijiet fost l-avukati ‘Laburisti’ li qed jippretendu l-post ta’ Avukat Ġenerali.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>