Napoli fetħu l-kampjonat beraħ wara li għelbu lil Juventus barra minn darhom biex issa d-distakk bejn it-tnejn hu biss ta’ punt. Lazio u Inter wieġbu għar-rebħa ta’ Roma biex kollox baqa’ kif inhu fit-taqtigħa għal post fiċ-Champions League. Atalanta telgħu fis-sitt post, filwaqt li tkompli s-serje negattiva ta’ Udinese li tilfu f’darhom kontra Crotone.
Napoli pattew għat-telfa fi Stadio San Paolo fl-ewwel rawnd, b’rebħa fl-Allianz Stadium ukoll ta’ 1-0. Partita bilanċjata, b’Napoli jkunu aktar dixxiplinati biex jikkontrollaw lill-avversarji. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fid-90 minuta meta minn korner mil-lemin ta’ Josè Callejon, KALIDOU KOULIBALY għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Gianluigi Buffon.
Lazio żammew posthom mal-ewwel erba’ fil-klassifika wara li għelbu lil Sampdoria 4-0 fi Stadio Olimpico. Huma fetħu l-iskor fit-32 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC wara kross mix-xellug.
L-iskor sar 2-0 fit-43 minuta meta minn korner ta’ Felipe Anderson, STEFAN DE VRIJ daħal tajjeb biex għeleb lil Viviano wkoll b’daqqa ta’ ras. Il-Biancocelesti għalqu l-logħba fil-85 minuta permezz ta’ CIRO IMMOBILE, bl-istess CIRO IMMOBILE jagħmilhom erba’ tliet minuti wara, b’kontrattakk veloċi.
Inter wieġbu għar-rebħa ta’ Lazio b’rebħa fuq Chievo. MAURO ICARDI fetaħ l-iskor fit-52 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin, passaġġ ta’ D’Ambrosio. Il-gowl oriġinarjament kien imħassar, iżda kien konvalidat mir-referee Paolo Valeri permezz tal-VAR.
It-tim ta’ Spalletti rdoppja mas-siegħa logħob b’Rafinha jgħaddi mill-ewwel lejn IVAN PERISIC li minn qagħda ideali għeleb lil Sorrentino. Chievo daħlu fil-logħba fid-89 minuta b’gowl ta’ MARIUSZ STEPINSKI u fl-aħħar azzjoni tal-logħba kienu wkoll viċin punt.
Atalanta kisbu rebħa importanti wara li f’darhom għelbu lil Torino 2-1. REMO FREULER fetaħ l-iskor fit-53 minuta, iżda tliet minuti wara, ADAM LJAJIC ġab id-draw. Iżda l-Bergamasci skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-64 minuta minn ROBIN GOSENS.
Cagliari u Bologna spiċċaw fi draw ta’ 0-0. Dan il-punt jiswa aktar għal Cagliari li għadhom mhux salvi hekk kif jinsabu erba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Is-serje negattiva ta’ Udinese kompliet b’telfa ta’ 2-1 kontra Crotone. KEVIN LASAGNA fetaħ l-iskor għal Udinese wara sitt minuti b’xutt bid-dawra, iżda SIMY ġab id-draw minuta wara. MARCO FARAONI skorja l-gowl tar-rebħa ħames minuti mit-tmiem wara li xutt kien imxellef, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni tal-plejer Taljan.
//= $special ?>