Futbol Sport

Rebħiet kbar għal Man City u Arsenal

Kevin de Bruyne jiskorja t-tielet gowl għal Man City

Iċ-champions il-ġodda Manchester City komplew jirbħu fil-Premier League, b’rebħa ta’ 5-0 fuq Swansea. David Silva fetaħ l-iskor fit-12-il minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna, biex Raheem Sterling irdoppja erba’ minuti wara mill-viċin.

Kevin de Bruyne għamilhom tlieta fl-54 minuta b’xutt mill-isbaħ u fl-64 minuta Bernardo Silva skorja mir-rebound wara li penalty ta’ Gabriel Jesus ħabat mal-lasta. Iżda l-Brażiljan xorta niżżel ismu fost l-iskorers fit-88 minuta b’daqqa ta’ ras.

Arsenal kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 f’darhom fuq West Ham. Nacho Monreal fetaħ l-iskor fil-51 minuta b’xutt mill-ewwel minn azzjoni ta’ korner. Marko Arnautovic ġab id-draw fl-64 minuta b’xutt b’saħħtu għar-rokna.

Il-Gunners reġgħu marru minn fuq fit-82 minuta bi kross ta’ Aaron Ramsey li spiċċa fix-xibka. Alexandre Lacazette għamilhom 3-1 fil-85 minuta minn pożizzjoni angolat, biex l-istess plejer skorja r-raba’ gowl b’azzjoni tajba.

Stoke u Burnley spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Badou Ndiaye fetaħ l-iskor wara 11-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda Burnley ġabu d-draw fit-62 minuta b’Ashley Barnes jiskorja f’azzjoni konfuża.