Sport Sport Ieħor

Urgah Du Rib inaqqax ismu fuq it-Tazza l-Kbira

Urgah du Rib (Charles Camilleri) jidher jaqsam il-linja finali (Ritratt: BOV)

Rapport: Kenneth Vella

Kien il-Franċiż Urgah Du Rib ta’ Charles Camilleri li naqqax ismu fuq il-famuża Tazza l-Kbira. Dan meta lbieraħ wara nofsinhar fil-korsa tal-Marsa saret il-finali ta’ dan il-kampjonat l-aktar mistenni fil-kalendarju tat-trott Malti fuq distanza twila ta’ 2640m.

Il-finali tat-Tazza l-Kbira, miftuħa għal żwiemel tal-aqwa klassi Premier, kienet tagħmel parti mis-sbatax–il laqgħa tal-istaġun fuq disa’ tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott.

Għaxra kienu l-finalisti din is-sena, kompetizzjoni organizzata bl-għajnuna ta’ Bank of Valletta. Brigadoon (Julian Farrugia) kien l-aktar żiemel b’saħħtu wara l-karozza tat-tluq.

Minnufih hu fetaħ vantaġġ żgħir minn Urac (Jesmar Gafà) u Rififi Nonantais (George Attard). F’nofs id-distanza kien iż-żiemel ta’ Gafà li ħa l-kmand u fetaħ distakk minimu mill-istess Brigadoon, Paparazzi (Mark Bonnici) u Service Secret (Andrew Farrugia).

Madanakollu l-finali ħadet żvolta oħra matul l-aħħar 600 metru meta Charles Camilleri talab lil Urgah Du Rib biex jibda l-attakk tiegħu fuq in-naħa ta’ barra u dan ħa kontroll tat-tiġrija meta l-ewwel żwiemel daru għad-dritta finali.

Urgah Du Rib qasam il-linja finali l-ewwel b’distakk kbir ta’ madwar disa’ tulijiet minn Paparazzi u Urac. Rififi Nonantais u Midsummer King (Clint Vassallo) kellhom ukoll pjazzament pożittiv. Ir-rebbieħ kellu medja ta’ 1.15.3” fil-kilometru. Għaż-żiemel rebbieħ, dan kien it-tielet suċċess infila u minn daqstant dehriet f’Malta.

Fi tmiem il-finali, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima ppremja lil Charles Camilleri, Charles u Edwina Borg rispettivament is-sewwieq u s-sidien taż-żiemel rebbieħ. Dan fil-preżenza ta’ Albert Frendo u Charles Azzopardi, uffiċjali tal-Bank of Valletta u Edwin Borg, Chairman tal-Malta Racing Club. Preżenti kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus. Din kienet it-tieni darba li Charles Camilleri rebaħ din il-finali prestiġjuża. Hu kien anki rebaħha fl-2013 b’Nabab du Chatelet.

Il-laqgħa nkludiet ukoll tliet tiġrijiet tal-klassi Gold fuq distanza maratona ta’ 3140m. Fl-ewwel waħda, id-debuttant Ulysse Du Creuzil (Redent Magro) kien il-ħin kollu quddiem biex ħa l-ewwel rebħa fl-ewwel dehra b’tul mill-favorit Unipen Begonia (Clint Vassallo). Ugo Dacheux (Noel Baldacchino) u Quartz Du Gautiers (Clifferty Calleja) daħlu fit-tielet u r-raba’ post rispettivament.

Simili kienet it-tieni tiġrija mill-istess klassi, b’Patrick Spiteri jpoġġi lil Sultan De Renier quddiem wara ftit metri biss mill-bidu tat-tiġrija. Dan kompla jagħmel it-triq hu sal-linja finali biex temm rebbieħ b’tul minn Mad Neo (George Muscat) u Trento Rosso (Gilbert Farrugia). Swan Des Tesnieres (Samuel Bezzina) temm warajhom f’dik l-ordni.

Fit-tielet tiġrija mill-istess klassi, Toumai (Jeffrey Said) beda jnaqqas mill-ġiri madwar 300m mit-tmiem. Dan inqabeż minn Warica (Noel Baldacchino) li ħadet l-ewwel rebħa tas-sena, faċilment b’vantaġġ ta’ disa’ tulijiet minn Russel Williams (Kevin Azzopardi) u Tom De La Crou (Rodney Gatt). Toumai kellu jikkuntenta bir-raba’ post.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Coursier Du Gite (N. Baldacchino) Ħin – NTR 2. Orsini (R. Cassar) 3. Caballero (M. Ghigo) 4. All American Class (D. Ellul)

II Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Quid De Belle Vue (C. Camilleri) Ħin – 4.07.4” (1.18.8”) 2. Mayflower Laday (R. Gatt) 3. Tenero (A. Farrugia) 4. Lady Julie Ann (K. Galea)

III Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Altesse Atout (A. Farrugia) Ħin – 4.11.4” (1.20.1”) 2. Valman De Joflo (C. Camilleri) 3. Britt Buitenzorg (R. Gatt) 4. Glamorous (P. Galea)

IV Tiġrija Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Ulysse Du Creuzil (R. Magro) Ħin – 4.02.8” (1.17.3”) 2. Unipen Begonia (C. Vassallo) 3. Ugo Dacheux (N. Baldacchino) 4. Quartz De Gautiers (C. Calleja)

V Tiġrija Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Sultan De Renier (P. Spiteri) Ħin – 4.05.7” (1.18.2”) 2. Mad Neo (G. Muscat) 3. Trento Rosso (G. Farrugia) 4. Swan Des Tesnieres (S. Bezzina)

VI Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Angelus Du Pont (R. Magro) Ħin – 4.10.8” (1.19.9”) 2. Caiprinha Royal (M. Debono) 3. Veikko Hornline (J. Farrugia) 4. Memphis Next King (Ph. Calleja)

VII Tiġrija Finali BOV Tazza l-Kbira. Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Urgah Du Rib (C. Camilleri) Ħin – 2.18.7” (1.15.3”) 2. Paparazzi (M. Bonnici) 3. Urac (J. Gafa’) 4. Rififi Nonantais (G. Attard) 5. Midsummer King (C. Vassallo)

VIII Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 3140m. 1. Design Ribb (M. Spiteri) Ħin – 4.06.8” (1.18.6”) 2. Tiger Breed (D. Ellul) 3. Udice Boko (N. Baldacchino) 4. Roc Magister (K. Axisa)

IX Tiġrija Klassi Gold. Dist – 3140m. 1.  Warica (N. Baldacchino) Ħin – 4.03.1” (1.17.4”) 2. Russel Williams (K. Azzopardi) 3. Tom De La Crou (R. Gatt) 4. Toumai (J. Said)