Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

FILMAT: “Se niġi Malta nistħarreġ l-FIAU, il-qtil ta’ Daphne u l-bejgħ tal-passaporti”

Il-Kummissarju Ewropew Vera Jourova

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ġustizzja Vera Jourova ħabbret li fix-xahrejn li ġejjin, se tkun qed tiġi Malta biex tagħmel mistoqsijiet dwar tliet temi partikolari: dak li seħħ u qed jiġri fl-FIAU, il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll il-bejgħ tal-passaporti Maltin.

Jourova żvelat dan waqt li kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell li fiha, kemm hi kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans ħabbru pakket ta’ miżuri li jiproteġu l-whistleblowers fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Dettalji ta’ din iż-żjara kienu ngħataw il-ġimgħa li għaddiet mill-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa wara laqgħa ta’ dan il-kumitat.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, żewġ ġurnalisti internazzjonali staqsew dwar is-sitwazzjoni f’Malta, u kif il-Kummissjoni Ewropea qed tevalwa dak li qed jiġi żvelat minn Daphne Project.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u l-Kummissarju Ewropew Vera Jourova jindirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell.

Frans Timmermans qal li l-Kummissjoni Ewropea qed issegwi mill-qrib id-dettalji li l-ġurnalisti internazzjonali qed jiżvelaw, u jekk ikun hemm il-lok li taġixxi, l-Kummissjoni Ewropea mhix se tiddejjaq taġixxi. “Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin biex mhux biss issir ġustizzja ma’ min ħadem il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, iżda li ssir ġustizzja wkoll ma’ min kien il-moħħ li ta l-ordni biex isir dan il-qtil,” qal Timmermans.

Hu ġie mistoqsi wkoll dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u sostna li filwaqt li ċ-ċittadinanzi hi xi ħaġa nazzjonali, l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tinsisti li min jingħata ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż, irid ikollu rabta ġenwina ma’ dak il-pajjiż partikolari. Hu qal li din l-iskema tista’ terġa’ tiġi diskussa mal-awtoritajiet Maltin fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.